Lokali Qorti

Is-seba’ jum tal-ġuri dwar il-qtil f’Marsalforn

Il-ġuri dwar il-qtil ta’ Fawaz Najem f’Marsalforn daħal fis-seba’ jum tiegħu, fejn xhud qal li kien ra raġel b’sikkina jidħol f’garaxx – fejn allegatament kompliet il-ġlieda.

Ix-xhud Abdul Atlas qal fil-qorti li waqt li kien miexi lejn il-baħar sema’ għajjat u ra grupp ta’ madwar ħames persuni jiggieldu. Skont hu, il-ġlieda bdiet barra fit-triq u kompliet f’garaxx fil-qrib.

Hu qal ukoll li ra persuna toħroġ b’sikkina f’idejha u tidħol fil-garaxx. Meta ġie mistoqsi għaliex ma intervjeniex, hu wieġeb li ma kienx jaf lil dawk involuti.

Ix-xhud kompla jgħid li ftit wara ra lill-vittma ħiereġ mill-garaxx midrub. Il-vittma resaq lejh, beda jilmenta bl-uġigħ u eventwalment waqa’ mal-art. Hu qal li prova jgħinu, iżda ma setax jerfgħu waħdu – u għalhekk sejjaħ żewġ persuni oħra biex flimkien ħaduh l-isptar.

Waqt il-kontro-eżami mid-difiża, ix-xhud ġie kkonfrontat b’ritratt li juri dbenġila taħt għajnejh ix-xellugija. Huwa sostna li d-daqqa kienet riżultat ta’ waqgħa li seħħet madwar tliet xhur qabel l-inċident.

Madankollu, fil-Qorti ntqal li xhieda preċedenti indikaw li l-ġerħa dehret friska u setgħet ġiet inqas minn 24 siegħa qabel.

Ix-xhud ikkonferma li kien jaf lill-vittma biss minn xogħol fil-kostruzzjoni, fejn kienu ħadmu flimkien għal perjodu qasir qabel l-inċident, u baqa’ jinsisti li ma kien involut fl-ebda ġlieda.

Il-każ għadu għaddej quddiem il-qorti.