Lokali Transport

It-traffiku l-akbar tħassib li qed jinkwieta lill-poplu

It-traffiku jibqa’ l-akbar tħassib ewlieni fost il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan ħareġ evidenti minn stħarriġ imwettaq mill-ġurnal Times of Malta hekk kif kemm votanti Laburisti kif ukoll dawk Nazzjonalisti insistew li ma jifilħux aktar bil-konġestjoni tat-traffiku kontinwu li qed ikollna fil-pajjiż.

Kważi nofs il-parteċipanti spjegaw li t-traffiku, in-nuqqas ta’ parkeġġ u l-kundizzjoni tat-trasport pubbliku huma l-aktar affarijiet li qed ikidduhom minn jum għal ieħor.

Dan ifisser li fl-aħħar 13-il sena ta’ amministrazzjoni ta’ Gvern Laburista, meta kellna erba’ Ministri tat-Trasport ….minflok l-isfida ittaffiet, din il-kriżi kompliet tiżdied. Bil-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-proġett tat-trasport tal-massa se jibdew jaħdmu fuqu wara l-elezzjoni ġenerali.

Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022 l-istess Gvern kien preżenta b’ħafna pompa l-pjan tal-Malta Metro – pjan li l-Labour 4 snin wara beda jgħid li mhux se jaħdem fuqu.

Sussegwentament, tkellem fuq it-trasport tal-massa fid-dokument tal-Viżjoni 2050….fejn sempliċiment qal li se jkun qed iħabbru fil-ġimgħat segwenti. U issa, mal-ġurnalisti l-istess Abela sostna li qed jissoktaw l-istudji u se jkunu qed iħabbru l-pjan…wara l-elezzjoni ġenerali; madanakollu lanqas din tal-aħħar ma nafu meta ġejja.

Fuq livell nazzjonali, bħala tħassib hemm ukoll l-iżvilupp esaġerat u l-kostruzzjoni flimkien mal-immigrazzjoni. Dan filwaqt li bħala individwi hija ċara li n-nies għadhom qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet segwit mill-prezzijiet tal-kera tal-proprjetà.

L-akbar tħassib għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena huwa l-kostruzzjoni kif ukoll t-traffiku u l-prezzijiet tal-proprjetà.

Dan filwaqt li minn dan l-istħarriġ ħareġ ċar li t-tħassib l-aktar li qed jiżdied fost l-Għawdxin huwa l-iżvilupp u x’se jkun qed isir mill-gżira tagħhom fix-xhur u snin li ġejin.