Lokali

“Jeħtieġ investiment sabiex jiġi eliminat id-dewmien bla bżonn” – Alex Borg jiltaqa’ mal-impjegati tal-Victim Support Agency

Huwa imperattiv li persuna ma ssofrix fis-silenzju wara l-erba’ ħitan ta’ darha imma tfittex l-għajnuna mill-aktar fis. Kien dan il-qofol tal-messaġġ taż-żjara li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg it-Tnejn filgħodu fl-uffiċini tal-Victim Support Agency fil-Belt Valletta.

Akkumpanjat mix-Shadow Ministers Darren Carabott u Graziella Attard Previ,  Alex Borg intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Brian Farrugia kif ukoll mis-Supritendent u Kap tas-Servizzi Sylvana Gafà…fejn ġie spjegat minn xiex jgħaddu dawn il-vittmi – fosthom biża’, ansjetà, iżolazzjoni, iżda agħar minn hekk ġrieħi fiżiċi u emarġinazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mad-diversi ħaddiema li ta’ kuljum jgħinu lill-vittmi, membri tal-familja u xhieda l-Qorti – kemm għal danni fiżiċi, u anke psikoloġiċi u emozzjonali.

Alex Borg insista dwar kemm hija kruċjali l-ħidma ta’ dan l-uffiċċju filwaqt li għamel enfasi fuq l-ħtieġa ta’ aktar sostenn u investiment sabiex jiġu mgħejuna l-vittmi mhux biss legalment iżda anke emozzjonalment.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista wkoll dwar il-bżonn li jsir aktar investiment fil-Qrati sabiex ma jkunx hemm dewmien bla bżonn; b’mod partikolari f’dak li għandhom x’jaqsmu każi sensittivi bħal vjolenza domestika iżda mhux biss.

Alex Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti fuq il-fatt li ċertu każijiet ta’ vjolenza domestika jitressqu quddiem il-Qorti tal-Familja u mhux dik Kriminali bil-għan li l-proċess ikun aktar effiċjenti għal benefiċċju tal-vittmi. Huwa għamel referenza wkoll għas-sensittività ta’ ċertu każi fejn ħafna mid-drabi jkunu jinvolvu t-tfal ukoll.

Intant, kull min għaddej minn sfidi relatati għandu qabel xejn jċempel lill-Pulizija fuq 112, jew ifittex is-sostenn u gwida billi jagħmel kuntatt mal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità fuq 25689700.