Lokali Qorti

Maħfra Presidenzjali twassal biex każ ta’ frodi soċjali jiġi dikjarat estint

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, tgħat sentenza li permezz tagħha l-proċeduri kriminali kontra Michael Cassar, ta’ 43 sena minn Ħal Tarxien, ġew dikjarati estinti wara li dan ingħata maħfra presidenzjali.

Il-każ kien jikkonċerna sensiela ta’ akkużi serji relatati ma’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, użu ta’ kitbiet foloz u frodi għal danni tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Skont il-provi miġbura, l-imputat kien applika għal benefiċċju tad-diżabbilità u rċevieh bejn April 2020 u Mejju 2023 minkejja li ma kienx intitolat għalih, u b’hekk allegatament għamel qligħ li jaqbeż il-ħamest elef ewro.

Matul il-proċeduri, Cassar kien ammetta l-ħtija tiegħu b’mod volontarju quddiem il-Qorti f’Jannar tal-2024, wara li ġie mwissi bil-konsegwenzi legali ta’ tali ammissjoni. Din l-ammissjoni kienet tpoġġi lill-Qorti f’pożizzjoni li tgħaddi għas-sentenza, iżda żvilupp importanti biddel l-andament tal-każ.

Fil-fatt, f’April tal-2024, il-President tar-Repubblika ħarġet proklama ta’ maħfra presidenzjali ġenerali għal persuni involuti f’każijiet simili ta’ benefiċċji soċjali miksuba indebitament, suġġetta għal diversi kundizzjonijiet fosthom ir-rifużjoni tal-flus dovuti u kooperazzjoni mal-awtoritajiet. Aktar tard, f’Awwissu tal-2025, din il-maħfra ġiet applikata b’mod speċifiku fil-konfront ta’ Cassar.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat li s-setgħa tal-maħfra presidenzjali hija prerogattiva tal-Kap tal-Istat u ma tistax tiġi sindakata mill-qrati. Għaldaqstant, ladarba l-imputat ingħata maħfra valida u fis-seħħ, huwa jitqies bħala persuna meħlusa minn kull responsabbiltà kriminali, minkejja l-ammissjoni ta’ ħtija tiegħu.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ddikjarat il-każ estint u ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Avukat Ġenerali. Cassar jibqa’ marbut li josserva l-kundizzjonijiet imposti mill-maħfra presidenzjali, inkella din tista’ tiġi rtirata skont il-liġi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shaun Friggieri.