Lokali

Nuqqasijiet fl-ippjanar u t-tħejjija mill-Gvern jistgħu jipperikolaw il-prospetti tat-turiżmu fl-2026 – PN

Malta International Airport

​Dewmien esaġerat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jista’ jwassal biex ir-Ryanair tiddeċiedi li tnaqqas l-ammont ta’ passiġġieri fuq l-ajruplani tagħha f’Malta u tittrasferihom għal titjiriet lejn destinazzjonijiet oħra, b’telf sostanzjali għall-industrija lokali tat-turiżmu.

Dan id-dewmien prinċipalment qed ikun ikkawżat kaġun tal-introduzzjoni tas-sistema diġitali l-ġdida tad-dħul fil-pajjiż, magħrufa bħala l-Entry/Exit System, għall-pajjiżi taż-Żona Schengen. Din is-sistema hija mfassla biex tirreġistra d-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini minn barra l-UE permezz ta’ scanning avvanzat tal-passaporti u l-ġbir ta’ data bijometrika fiċ-checkpoints fejn isiru l-kontroll tal-fruntieri.

Filwaqt li l-għan ta’ din is-sistema hu li ssaħħaħ is-sigurtà tal-fruntieri, iż-żmien addizzjonali meħtieġ biex jiġi pproċessat kull passiġġier qed iwassal għal kjuwijiet twal u bottlenecks, partikolarment fil-perjodi meqjusa bħala l-peak għall-ivvjaġġar. Din is-sitwazzjoni setgħet ġiet evitata parzjalment kieku l-Gvern investa aktar fir-riżorsi umani, b’mod partikolari f’uffiċjali tal-kontroll tal-fruntieri. Għal darba oħra, il-Gvern inqabad fuq sieq waħda kaġun ta’ nuqqas ta’  ppjanar.

L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni urġenti biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata qabel jibda l-istaġun tas-sajf. Passi immedjati għandhom jinkludu żieda fin-numru ta’ uffiċjali tal-border control fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, investiment fit-taħriġ tal-impjegati biex jiġi żgurat tħaddim effiċjenti tas-sistemi diġitali l-ġodda, u żieda fin-numru ta’ kiosks tal-ipproċessar biex ilaħħqu mal-influss qawwi ta’ passiġġieri.

Barra minn hekk, il-Gvern għandu jwettaq reviżjoni immedjata tal-proċessi tal-ajruport biex jiġu identifikati u eliminati ostakli bla bżonn, kif ukoll jikkunsidra l-ingaġġ ta’ staff temporanju fl-aktar perjodi impenjattivi. Nuqqas ta’ azzjoni se jwassal biss għal kaos fl-ajruport.

Din l-istqarrija nkitbet mix-Shadow minister għat-Turiżmu Mario de Marco u x-Shadow Minister għall-Darren Carabott.