Lokali Opinjoni

Opinjoni: Fl-interess ta’ min Robert Abela qed joħloq inċertezza dwar elezzjoni ġenerali?

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo
M’hemmx dubju li d-dinja llum qed tgħaddi minn perjodu ta’ sfidi kbar u ta’ instabbiltà li qed jinħassu fuq diversi livelli — ekonomiċi, politiċi u soċjali

Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku

Kunflitti internazzjonali u tensjonijiet bejn potenzi globali qed iħallu impatt dirett fuq il-kummerċ, l-investiment u s-sigurtà, u b’hekk qed joħolqu klima ta’ inċertezza li tolqot kemm lill-pajjiżi kbar kif ukoll lil dawk iżgħar. Minbarra gwerer oħra li ilhom għaddejjin snin, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u issa l-gwerra miftuħa bejn l-Istati Uniti u l-Iran joħolqu inkiwet kbir. Pajjiżna, bħala ekonomija miftuħa u dipendenti fuq fatturi esterni, mhuwiex iżolat minn dawn l-iżviluppi.
Iżda, f’pajjiżna għaddejjin minn perjodu ta’ instabilità mhux biss minħabba s-sitwazzjoni internazzjonali imma wkoll għaliex għandna Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela li qiegħed joħloq din is-sitwazzjoni għaliex qiegħed iżomm lil kulħadd fuq ix-xwiek dwar id-data tal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Il-Gvern Laburista għandu mandat ta’ ħames snin. Tela’ b’maġġoranza kbira fl-2022 u għandu ċans li jibqa’ jmexxi iktar minn sena oħra. Huwa minnu li, skont is-sistema kostituzzjonali ta’ pajjiżna, id-deċiżjoni dwar meta tissejjaħ elezzjoni ġenerali hija prerogattiva tal-Prim Ministru. Dan jagħti ċertu flessibbiltà lil min ikun fil-gvern sabiex jagħżel il-mument li jqis l-aktar xieraq. Madankollu, din il-prerogattiva għandha tintuża b’sens ta’ responsabbiltà u fl-aħjar interess tal-pajjiż kollu, u mhux bħala għodda ta’ kalkolu politiku. Il-Prim Ministru jgħid li se jsejjaħ l-elezzjoni skont l-aħjar interess tal-pajjiż. Min għadu jemmnu iżda? Huwa ċar li d-data tal-elezzjoni se titħabbar skont il-konvenjenza politika tal-Prim Ministru u tal-partit tiegħu. Qiegħed jiżen u jara meta jkun jaqbilllu li jsejjaħ elezzjoni bit-tama li jżomm maġġoranza soda u qawwija bħalma kellu.
Il-Prim Ministru għandu xogħfa mir-riżultat tal-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej u tal-kunsilli lokali. Dakinhar il-Prim Ministru rrealizza li mhuwiex imbattibbli. Il-perċezzjoni li l-Gvern Laburista se jibqa’ għal dejjem sparixxiet. Il-Partit Laburista induna li bħalma rebaħ, jista’ jitlef. Fil-verità l-ebda partit, l-ebda Gvern fid-dinja, l-ebda imperu, l-ebda saltna ma hi għal dejjem. Kull bidu fih it-tmiem. U bħalma ngħidu bil-Malti, il-poplu jtellgħek u l-poplu jniżżlek.
Mela l-Prim Ministru għandu jieqaf jilgħab din il-logħba maħmuġa tiegħu u tassew iħares l-interess nazzjonali. Il-ħafna spekulazzjonijiet dwar id-data tal-elezzjoni jagħmlu ħsara lill-ekonomija tal-pajjiż. Dan għaliex l-inċertezza toħloq staġnar. In-nies iridu s-serħan il-moħħ, imqar sabiex wieħed jippjana vaganza. Aħseb u ara sabiex jibdel xogħol, jixtri proprjetà jew jinvesti.
Tajjeb infakkru li minkejja l-mandati ċari li ngħata Gvern Laburista, diġà kellna okkażjonijiet fejn issejħet elezzjoni bikrija għax hekk qabel lill-Gvern. Il-governanza effettiva titlob trasparenza, prevedibbiltà u sens ta’ direzzjoni ċara.
Gvern li tassew jaspira għal stabbiltà u tkabbir sostenibbli għandu jnaqqas kemm jista’ jkun l-inċertezza li tista’ tiġi evitata. Għaldaqstant, ikun xieraq li d-deċiżjonijiet politiċi, speċjalment dawk ta’ importanza nazzjonali bħad-data tal-elezzjoni ġenerali, jittieħdu b’mod li jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku u jippromwovi l-ġid komuni. B’dan il-mod biss jista’ jiġi assigurat li l-interess nazzjonali verament jibqa’ fil-qalba tad-deċiżjonijiet politiċi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.