Opinjoni

Opinjoni: Il-libertà tal-kelma: Bejn id-dritt demokratiku u l-ipokresija politika

Il-libertà tal-kelma hija waħda mill-pedamenti ewlenin tad-demokrazija. Mingħajrha, ma hemmx dibattitu, ma hemmx kontabilità u ma hemmx stat ta’ dritt

Adrian Delia
Shadow Minister
għall-Finanzi

Hija l-għodda li biha ċ-ċittadini jistgħu jesprimu ruħhom, jikkritikaw u jżommu lill-poter taħt skrutinju. Iżda f’Malta, bħalma qed jiġri f’ħafna pajjiżi oħra, qed naraw kif dan il-prinċipju fundamentali qed jiġi mgħawweġ, strumentalizzat u użat skont il-konvenjenza politika.
Qed niffaċċjaw sitwazzjoni fejn ċerti persuni, ħafna drabi fil-poter jew qrib tiegħu, jinvokaw il-libertà tal-kelma biss meta tkun qed isservihom. Huma jsostnu li għandhom id-dritt jgħidu li jridu, iżda l-istess nies jiskandalizzaw ruħhom, jattakkaw jew saħansitra jivittimizzaw ruħhom meta l-opinjoni tagħhom tiġi kkontestata. Din mhijiex difiża tal-libertà tal-kelma; hija forma ta’ kontroll fuq id-diskors pubbliku, fejn il-kelma tintuża bħala arma iżda mhux aċċettata bħala spazju ta’ konfront.
Hawnhekk tinsab il-qalba tal-problema. Il-libertà tal-kelma qed tiġi trattata bħal dritt unilaterali: jien nitkellem, int tismani, u jekk twieġeb, int qed tikser id-drittijiet tiegħi. Din hija interpretazzjoni żbaljata u perikoluża li, jekk titħalla tgħaddi, twassal għal kultura politika tossika fejn il-kritika tiġi ppreżentata bħala attakk u l-kontabilità bħala persekuzzjoni.
Il-verità hi waħda sempliċi: il-libertà tal-kelma tinkludi wkoll id-dritt li dak li jingħad jiġi sfidat. F’soċjetà demokratika, ebda opinjoni ma hi sagrosanta u ebda persuna ma hi ’l fuq mill-kritika. Min jagħżel li jitkellem fil-pubbliku – speċjalment jekk ikun politiku, uffiċjal pubbliku jew persuna b’poter – għandu obbligu morali u politiku li jifhem li l-kliem iġib miegħu responsabbiltà.
Dan japplika wkoll għaċ-ċittadin komuni. Il-libertà tal-kelma mhijiex biss għodda biex tesprimi opinjoni, iżda wkoll spazju fejn wieħed jitgħallem jisma’, jiddiskuti u jaċċetta li jista’ jkun żbaljat. Meta dan jonqos, id-diskors pubbliku jiddgħajjef u jinbidel f’serje ta’ monologi fejn kulħadd jitkellem imma ħadd ma jisma’.
F’dawn l-aħħar snin rajna żieda fil-politika tal-vittimiżmu. Minflok ma jwieġbu għall-kritika b’argumenti, ħafna politiċi jippreferu jpinġu lilhom infushom bħala vittmi ta’ attakki, mibegħda jew ċensura. Dan huwa tentattiv ċar biex jiġi mrażżan id-dibattitu u biex jiġi intimidat min jistaqsi mistoqsijiet skomdi.
Meta politiku jgħid li qed jiġi msikket għax ġie kkontestat minn ġurnalist, ċittadin jew opponenti politiċi, ikun qed joffendi l-intelliġenza tal-poplu. F’pajjiż fejn il-media għadha libera u fejn in-nies għadhom jistgħu jiktbu, jitkellmu u jipprotestaw, il-kelma ċensura qed tintuża b’mod irresponsabbli biex tkopri nuqqas ta’ risposti.
Din il-politika tal-vittimizmu għandha effett perikoluż: toħloq klima fejn in-nies jibdew jibżgħu jitkellmu jew jikkritikaw, mhux għax m’għandhomx dritt, imma għax ma jridux jiġu attakkati jew stigmatizzati. Dan iwassal għal awto-ċensura, li hija forsi l-aktar forma sottili iżda effettiva ta’ ċensura.
Problema oħra fil-kultura politika tagħna hija li l-kritika spiss tiġi ppreżentata bħala tradiment. Min jikkritika lill-Gvern jiġi ttimbrat bħala negattiv jew anti-patrijottiku. Min jikkritika lill-partit tiegħu stess jiġi meqjus bħala għadu minn ġewwa. Din il-mentalità hija anti-demokratika u perikoluża.
Demokrazija b’saħħitha teħtieġ kritika kontinwa. Teħtieġ vuċijiet li jiddubitaw, li jsaqsu u li jsemmu l-iżbalji. Il-libertà tal-kelma mhijiex hemm biex tippromwovi l-kumdità tal-poter, imma biex tiżgura li l-poter jibqa’ taħt skrutinju. Fil-fatt, il-kritika għandha titqies bħala att ta’ responsabbiltà ċivika, mhux bħala att ta’ ostilità. Naturalment, il-libertà tal-kelma mhijiex assoluta. L-istess liġi tirrikonoxxi limiti meta l-kelma tintuża biex tinċita l-mibegħda, il-vjolenza jew id-diskriminazzjoni. Dawn il-limiti huma essenzjali biex jipproteġu l-individwu u s-soċjetà.
Iżda barra l-qafas legali, hemm ukoll livell ta’ responsabbiltà politika u etika li ħafna qed jinjoraw. Il-fatt li xi ħaġa tista’ tingħad ma jfissirx li għandha tingħad. Diskors pubbliku għandu konsegwenzi, speċjalment meta jiġi minn persuni f’pożizzjoni ta’ poter.
Meta diskors pubbliku jiddisprezza gruppi sħaħ, jiddemonizza lil min hu dgħajjef jew ixerred biża’ u qasma, ir-reazzjoni tas-soċjetà mhijiex attakk fuq il-libertà tal-kelma. Hija difiża tas-soċjetà nnifisha. Il-kritika, il-protest u r-rifjut ta’ diskors perikoluż huma parti integrali mid-demokrazija.
F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-media huwa kruċjali. Ġurnaliżmu ħieles u responsabbli huwa wieħed mill-pilastri tad-demokrazija. Il-ġurnalisti għandhom id-dmir li jistaqsu mistoqsijiet diffiċli, jesponu nuqqasijiet u jagħtu vuċi lil dawk li spiss ma jinstemgħux.
Meta l-media tiġi attakkata għax tagħmel xogħolha, jew meta tiġi mċaħħda minn aċċess għal informazzjoni, dan mhux biss attakk fuq il-ġurnalisti, imma fuq id-dritt taċ-ċittadin li jkun infurmat. Il-libertà tal-kelma mhijiex biss dwar min jitkellem, imma wkoll dwar min jisma’ u jifhem.
Hawn tidħol il-mistoqsija fundamentali: irridu stat li jisma’ jew stat li joffendi? Stat li jippermetti diskussjoni miftuħa jew stat li jippremja biss lil min jaqbel? Il-mod kif il-politiċi jirreaġixxu għall-kritika huwa rifless dirett tal-kwalità tad-demokrazija tagħna.
Meta Gvern jew partit juża l-libertà tal-kelma bħala skuża biex jevita l-kontabilità, ikun qed jabbuża minn prinċipju li suppost jipproteġi liċ-ċittadin, mhux lill-poter. Dan iwassal għal degradazzjoni tal-fiduċja pubblika u għal distakk bejn iċ-ċittadin u l-istituzzjonijiet.
Jekk irridu ntejbu d-diskors pubbliku f’Malta, irridu nibdew minn prinċipju ċar: il-libertà tal-kelma ma tfissirx immunità mill-kritika.
Politika adulta titlob kuraġġ – il-kuraġġ li tisma’, li tirrikonoxxi żbalji u li tidħol f’dibattitu mingħajr ma tfittex li tagħlaq il-bieb fuq min ma jaqbilx miegħek. Titlob ukoll maturità miċ-ċittadini, li jridu jkunu lesti jiddiskutu b’rispett u argumenti, mhux b’insulti jew polarizzazzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija għalina lkoll hija waħda sempliċi imma diffiċli: irridu libertà tal-kelma vera, jew irridu biss il-libertà li ma niġux ikkontestati? Ir-risposta għal din il-mistoqsija se tiddeċiedi x’tip ta’ demokrazija rridu nkunu — waħda ħajja u miftuħa, jew waħda li tidher demokratika biss fil-kliem iżda vojta fil-prattika.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.