Opinjoni

Opinjoni: Il-PN fil-gvern dejjem investa fis-servizzi għall-anzjani

Paula Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għall-Anzjanità Attiva

L-anzjani huma pilastru fundamentali tal-komunità tagħna, u għalhekk huwa essenzjali li jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħsieb politiku. Il-Partit Nazzjonalista dejjem fehem dan il-prinċipju u ħadem b’mod konsistenti biex jiżgura li l-anzjani jingħataw id-dinjità, il-kura u l-appoġġ li jistħoqqilhom. Matul is-snin, rajna kif il-Partit Nazzjonalista investa f’servizzi soċjali u komunitarji li jagħtu valur lill-ħajja tal-anzjani. Minn titjib fil-pensjonijiet għal inizjattivi li jindirizzaw il-faqar fost l-anzjani, il-politika tal-PN dejjem kienet waħda li tfittex li tnaqqas l-inugwaljanzi u tipprovdi sigurtà. L-anzjani mhux biss għandhom bżonn appoġġ finanzjarju, iżda wkoll aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità, opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni soċjali u ambjent li jħares id-dinjità tagħhom.
Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista tmur lil hinn minn sempliċi miżuri ekonomiċi. Tiffoka wkoll fuq il-benesseri mentali u emozzjonali tal-anzjani. Is-solitudni hija realtà li ħafna anzjani jiffaċċjaw, u għalhekk hemm bżonn ta’ programmi komunitarji li jippromwovu l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva. Dan qed nagħmluh mill-Oppozizzjoni għaliex nhar il-Ħamis li ġej se nkunu qed niddibattu fil-Parlament mozzjoni privata ppreżentata mill-kollega Ivan Bartolo li tirrigwarda l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Glieda kontra s-Solitudini u t-Tisħiħ tal-Benesseri tas-Socjetà. Nittamaw illi l-Gvern ukoll ser ikun qed jivvota magħna fuq din il-liġi. Vot kontra minn-naħa tal-Gvern tfisser biss li dan il-Gvern mhux vera jinteressah mill-kwalità tal-ħajja tan-nies. Ma nissorprendix ruħi meta nafu illi lanqas kelma waħda li hi waħda ma lissen fil-baġit li għadda dwar is-solitudini. Kien dejjem il-Partit Nazzjonalista li dejjem sostna l-importanza ta’ ċentri komunitarji, attivitajiet kulturali u inizjattivi li jgħaqqdu l-ġenerazzjonijiet.
Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-anzjani għandhom rwol importanti fis-soċjetà. L-esperjenza u l-għerf tagħhom huma riżorsi prezzjużi li m’għandhomx jintilfu. Politika moderna trid tinkoraġġixxi l-involviment tal-anzjani fid-deċiżjonijiet komunitarji u toħloq spazji fejn leħinhom jinstema’. Dan mhux biss isaħħaħ id-demokrazija, iżda jippromwovi wkoll sens ta’ skop u appartenenza fost l-anzjani.
Fil-qasam tas-saħħa, il-Partit Nazzjonalista dejjem għaraf il-ħtieġa ta’ servizzi aċċessibbli u effiċjenti. Investiment fl-isptarijiet, fil-kura primarja u fis-servizzi ta’ kura fid-dar huma kollha elementi essenzjali biex jiġi żgurat li l-anzjani jingħataw kura xierqa mingħajr piż żejjed. Il-politika għandha tkun waħda li tipprevjeni, mhux biss li tikkura, u li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja. Għandna gvern fi krizi fejn jidħol is-saħħa. Ghalkemm il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li ħarġet is-sejħa għall-bini ta’ sptar ġdid għall-kura intermedjarja f’San Vinċenz de Paul, imma bl-istess mod, ikun tajjeb ukoll kieku l-Gvern jagħti timeframe ta’ meta se jibda u jitlesta x-xogħol ta’ ristrutturar ta’ St Luke’s biex jibda jilqa’ fih il-pazjent; meta se jibda u jitlesta x-xogħol ta’ ristrutturar tal-Isptar Karin Grech biex dan ukoll jibda jintuża bl-aqwa mod; meta se jibda u jitlesta l-isptar il-ġdid ta’ Għawdex, meta se jibda u jitlesta x-xogħol fuq l-estensjoni tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei; u meta se jibda u jitlesta l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali – li tant smajna verżjonijiet differenti dwaru.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.