Il-Qorti tal-Maġistrati (Malta), preseduta mill-Maġistrat Dr. Nadia H. Vella, sabet lil Mario Ciappara ħati ta’ diversi akkużi relatati ma’ storbju eċċessiv minn stabbiliment kummerċjali f’San Pawl il-Baħar. Il-każ kien jikkonċerna allegazzjonijiet li Ciappara, bħala detentur tal-liċenzja tal-Watson’s Pub, ippermetta mużika u ħsejjes qawwija li disturbaw lill-ġirien, inkluż bil-lejl.
L-akkużi kienu jinkludu wkoll fastidju lil residenta fil-qrib, Natalina McInerney, kif ukoll ksur tal-mistrieħ pubbliku. Mill-provi rriżulta li bejn Awwissu u Novembru 2024 kien hemm diversi rapporti lill-Pulizija dwar storbju kontinwu mill-bar. Ix-xhud prinċipali xehdet li l-mużika amplifikata kienet tinstema’ b’mod ċar anke ġewwa darha, u li ma setgħetx tgawdi l-proprjetà tagħha minħabba dan id-disturb.
Il-Qorti osservat li l-imputat kien personalment responsabbli għall-ġestjoni tal-bar u li kellu jkun konxju tal-effett tal-istorbju fuq il-ġirien. Ġie enfasizzat ukoll li l-imġiba kienet ripetuta u għalhekk tikkostitwixxi “course of conduct” biżżejjed biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali għall-fastidju.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li l-provi wasslu għall-konvinzjoni morali meħtieġa sabiex l-imputat jinstab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Madankollu, fid-dawl li din kienet l-ewwel serje ta’ sentenzi relatati ma’ dawn il-każijiet, il-Qorti għażlet li timponi piena pekunjarja aktar milli priġunerija.
Għaldaqstant, Mario Ciappara ġie kkundannat iħallas multa totali ta’ €5,200. Barra minn hekk, il-Qorti ordnatlu jieħu miżuri immedjati biex jiżgura li l-istorbju mill-bar ma jibqax jinfirex lejn il-madwar. F’każ ta’ nuqqas, se japplika penali ta’ €4.66 għal kull jum ta’ ksur wara li s-sentenza ssir finali.
Is-sentenza tenfasizza d-dmir ta’ operaturi kummerċjali li jibbilanċjaw l-attività tagħhom mar-rispett lejn il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-viċinanzi.
//= $special ?>

