Lokali Qorti

Talba għal ħlas ta’ player fuq kuntratt milqugħa biss ‘in parte’

Il-Qorti laqgħet “in parte” it-talba tal-player tal-football Roderick Baldacchino u kkundannat lill-klabb Msida St Joseph FC iħallsu €664, wara li eżaminat fid-dettall il-fatti kollha tal-każ li kienu jmorru lura għal kuntratti ta’ football bejn il-partijiet li bdew fl-2006 u koprew diversi staġuni, fejn Baldacchino sostna li kien għadu dovut €5,500 għall-istaġun 2009/2010.

Huwa appoġġja l-pretensjoni tiegħu b’deċiżjonijiet ta’ diversi bordijiet tal-MFA li kienu tawh raġun, iżda l-klabb sostna li kien diġà ħallsu kollox u saħansitra iżjed. Mill-provi, inkluż xhieda u dokumentazzjoni estensiva, irriżulta li kien hemm żewġ verżjonijiet kontradittorji u anke deċiżjonijiet konfliġġenti fi ħdan l-MFA, tant li sar rapport indipendenti minn uffiċjal tal-MFA li kkonkluda li l-player kien tħallas iżjed milli kellu jieħu.

Sadanittant il-Kunsill tal-MFA approva din il-konklużjoni u qies il-kwistjoni bħala magħluqa. Madankollu, il-Qorti rrimarkat li ma kinitx marbuta b’dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi u kellha tagħmel evalwazzjoni tagħha stess, u għalhekk ibbażat ruħha strettament fuq il-kuntratti u l-provi finanzjarji, fejn ikkalkulat b’mod komprensiv kemm kien dovut lill-attur tul il-perjodi kollha tal-ingaġġ tiegħu u mhux biss għall-istaġun mitlub.

Hija sabet li t-total dovut kien ta’ €16,305 filwaqt li l-ħlasijiet li rċieva kienu jammontaw għal €15,641, li jfisser li kien għad hemm biss bilanċ ta’ €664 favur l-player. Konsegwentement il-Qorti ċaħdet il-parti l-kbira tat-talba bħala infondata u laqgħet biss dan l-ammont limitat, filwaqt li ordnat li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Patrick Valentino.