Fl-ewwel tliet xhur tal-2026, il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex bil-Fast Ferry u l-Gozo Channel raw tnaqqis sinifikanti – b’inqas vjaġġi, vetturi u passiġġieri rreġistrati meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2025.
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew kif bejn Jannar u Marzu, kien hemm total ta’ 9,579 vjaġġ – bi tnaqqis ta’ 9.0 fil-mija. In-numru ta’ passiġġieri esperjenza tnaqqis ta’ 1.1 fil-mija, filwaqt li n-numru ta’ vetturi naqas b’5.8 fil-mija. Marzu kien l-aktar xahar li matulu saru vjaġġi – bl-ammont ilaħħaq dak ta’ 3,678 vjaġġ.
Apparti minn hekk, fl-ewwel tliet xhur tal-2026, kien hemm żieda żgħira fin-numru ta’ passiġġieri li vvjaġġaw bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa permezz tal-Gozo Channel.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, n-numru ta’ vetturi naqas b’5.8% – bl-ammont ta’ vetturi jlaħħaq 445,351.
In-numru ta’ vjaġġi Bil-Gozo Channel ukoll naqas ukoll b’5.7 fil-mija u ammonta għal 7,743 vjaġġ. Marzu reġa’ rreġistra l-ogħla livelli ta’ attività.
Iċ-ċifri jindikaw li mill- Imġarr, it-traffiku nġemgħa l-aktar fil-jiem tal-Ħadd u t-Tnejn, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri żdied l-aktar fi tmiem il-ġimgħa. Miċ-Ċirkewwa, kemm il-vetturi kif ukoll il-passiġġieri kienu l-aktar frekwenti il-Ġimgħa u s-Sibt.
Ir-rotta bejn l-Imġarr u l-Belt, permezz tal-Fast Ferry, rat tnaqqis sinifikanti. Il-vjaġġi naqsu b’20.6 fil-mija għal 1,836 vjaġġ, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri naqas b’11.4 fil-mija għal 190,350 passiġġier. L-NSO ikkonferma li Marzu baqa’ l-iktar xahar impenjattiv f’din ir-rotta wkoll.
//= $special ?>

