West Ham United kisbu punt importanti fil-Premier League Ingliz, meta llejla, f’wieħed mid-derbies ta’ Londra, huma temmew fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Crystal Palace. B’dan ir-riżultat, Wolverhampton Wanderers huma matematikament relegati mill-Premier League.
B’ħames partiti mit-tmiem tal-Kampjonat, West Ham United għadhom xorta fil-periklu li jistgħu jkunu relegati, hekk kif jinsabu żewġ punti biss ‘il fuq minn Tottenham Hotspur.
Intant, fl-Italja, f’konfront dirett bejn żewġ timijiet lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika tas-Serie A, Lecce u Fiorentina rebħu punt kull wieħed wara li d-dwell ta’ bejnithom intemm fi draw ta’ 1-1. Meta għad fadal ħames partiti mit-tmiem tal-Kampjonat, iż-żewġ timijiet kienu jippreferu rebħa minn dan il-konfront, biex jiksbu tliet punti prezjużi fil-battalja tagħhom biex iżommu posthom fis-Serie A għal staġun ieħor.
Fiorentina fetħu l-iskor wara nofs siegħa logħob, b’konkluzzjoni tal-Ingliz Jack Harrison li għelbet lill-goalkeeper avversarju, Wladimiro Falcone. Fit-tieni taqsima, Lecce ħarġu aktar aggressivi bit-tama li jfittxu l-gowl u fil-71 minuta, l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ, Eusebio Di Francesco rrnexxilhom jiskorjaw il-gowl tad-draw meta il-Portugiz ta’ 21 sena, Tiago Gabriel b’daqqa ta’ ras xeħet il-ballun fix-xibka minn kross ta’ Antonino Gallo.
//= $special ?>

