Matul is-seduta tal-Parlament tat-Tnejn waranofsinhar, ix-Shadow Minister Adrian Delia ressaq ilment formali ta’ ksur ta’ privileġġ lill-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, hekk kif wara li wettaq xogħolu fil-kumitat li jaħtar persuni f’ħatriet pubbliċi, bħal ambaxxaturi – ġie mhedded personalment, politikament u anke professjonalment.
Ix-Shadow Minister, irċieva theddid wara li għamel ‘grilling’ lil Roseanne Camilleri li attwalment qed tiġi mressqa sabiex tkun ambaxxatriċi mhux residenti għal Liechtenstein.
Net News tkellem ma’ Adrian Delia illi spjega li t-theddid wasal permezz ta’ messaġġ miktub. Messaġġ li wasal mingħand ir-raġel ta’ Roseanne Camilleri u li kien jinkludi theddid fuq il-professjoni legali ta’ Delia, theddid fuq il-persuni viċin tiegħu u anke theddid politiku.
Fil-fatt, ir-raġel ta’ Roseanne Camilleri hedded lil Delia li hu se jkun qed jikkuntattja ċertu persuni magħrufin sabiex jiffabrikaw storja fuqu; biex b’hekk ma jkunx jista’ joħroġ bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Filwaqt li l-messaġġi kienu jinkludu wkoll theddid fuq persuni li huma viċin tax-Shadow Minister – b’rabta max-xogħol li jagħmlu fil-ħajja personali tagħhom. Sempliċiment għaliex huma viċin ta’ Adrian Delia.
Madanakollu, t-theddid anke estenda għall-karriera professjonali ta’ Adrian Delia bħala avukat. Fejn ir-raġel ta’ Roseanne Camilleri hedded lil Adrian Delia li se jkun qed jikkuntattja kumpanija li hi klijent tiegħu, sabiex itellfu x-xogħol professjonali tiegħu.
It-theddid ġie wara li Adrian Delia kien qed iwettaq xogħol fil-kumitat għall-ħatriet pubbliċi. Hekk kif Roseanne Camilleri, kienet għaddejja minn ‘grilling’ sabiex issir ambaxxatriċi għal pajjiżna. Fil-grilling, Delia staqsiha domandi b’rabta max-xogħol tagħha bħala Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja f’pajjiżna – fejn kienet sospiża minħabba infieq esaġerat li nefqet f’xogħol li sar fil-klinika ta’ Ħal Qormi u Birkirkara.
Adrian Delia staqsiha jekk kinitx diġa’ msejjħa sabiex tinħatar ambaxxatriċi qabel ir-rapporti li juru l-infieq esaġerat fil-clinics – fejn wieġbet li kienet diġa’ ssejjħet. Iżda, s-sejħa waqgħet wara li hi kienet sospiża minn CEO.
B’hekk Adrian Delia staqsiha jekk l-irwol ta’ ambaxxatriċi inżammx għaliha għal sena sħiħa minħabba li kienet sospiża. Fejn hi wieġbet, li ma taf xejn dwar dan.
//= $special ?>

