Għaddiet sena mill-mewt tal-Papa Franġisku u r-residenti ta’ Gaza għadhom qed jistennew biex jirċievu l-famuża vettura magħrufa bħala popemobile li kien juża l-eks Kap tal-Kattoliċi.
Is-sitwazzjoni qed tingħata prominenza peress li l-Papa Franġisku, lejn l-aħħar ta’ ħajtu, kien esprima x-xewqa speċjali biex il-popemobile ikun ittrasferit lejn Gaza bil-ħsieb li jkun ikkonvertit f’mobile clinic għat-tfal residenti fit-territorju….Xewqa li baqgħet sallum mhix mitmuma.
Is-sorsi viċin is-Santa Sede qalu li l-Papa Franġisku xtaq tassew li jagħmel xi ħaġa konkreta għat-tfal ta’ Gaza u meta l-popemobile li ried jirregalalhom għandu jservi anki bħala ‘simbolu ta’ tama’.
Il-Papa Franġisku, waqt żjara li għamel fl-2014 fl-Art Imqaddsa, kien xejjer lill-eluf kbar ta’ Palestinjani Kristjani proprju minn dan il-popemobile,…Vettura ikonika li l-valur simboliku tagħha jibqa’ imprezzabbli.
Intant, numru ta’ Kardinali f’Ruma qed jittamaw li joħroġ dalwaqt il-permess biex il-Popemobile ikkonvertit jitwassal lejn il-Medda ta’ Gaza…Azzjoni bażata totalment fuq kunċett umanitarju u li ma għandu x’jaqsam xejn mal-politika.
Is-sorsi fil-Vatikan ukoll jemmnu li t-trasferiment tal-popemobile lejn Gaza hu importanti għal kulħadd għaliex, fost oħrajn, ikun anki qed jirrifletti r-rieda tajba ta’ Iżrael li qed jikkontrolla l-aċċessi lejn Gaza.
L-azzjoni anki għandha tipprovdi tama ġdida lill-Palestinjani ta’ Gaza minbarra li twassal messaġġ li l-wirt spiritwali tal-Papa Franġisku qed ikun irrispettat anki llum, wara mewtu.


