Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Iran: Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied jeskadi l-Erbgħa…bi Trump jiddikjara ruħu kontra estensjoni

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn l-Istati Uniti u l-Iran suppost li jiskadi għada, l-Erbgħa…Dan fost l-istennija għal fażi ġdida ta’ diplomazija relatata mal-konflitt fir-reġjun tal-Golf li ilu għaddej mill-aħħar ta’ Frar.

Is-sitwazzjoni, madankollu, għadha inċerta , fost ir-rapporti li l-Viċi-President Amerikan, JD Vance, jinsab fi triqtu lejn il-Pakistan biex hu u l-membri l-oħra tad-delegazzjoni jieħdu sehem f’taħditiet ġodda mal-Iranjani.

Dan meta l-Iran għadu ma kkonfermax li se jibgħat delegazzjoni lejn il-Pakistan; pajjiż li ilu ġimgħat stabbilit bħala s-sede għan-negozjati bejn l-Istati avversarji.

Il-paċi fil-Golf, għaldaqstant, xorta qed jidher ‘il bogħod, bil-Parlament Iranjan jibgħat messaġġ li ‘għandu aktar karti x’jilgħab fil-kampijiet tal-battalja’. Messaġġ ieħor minn Teheran hu li mhu se jaċċetta l-ebda proċess ta’ negozjati taħt it-theddid kontinwu tal-Istati Uniti.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ċaħad li jinsab taħt pressjoni biex jikkonkludi ftehim għall-paċi. Trump tenna wkoll li ‘ma jistenniex li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-Iran  ikun estiż ‘il hinn mill-ġimgħatejn li ilu effettiv’.

Hu minnu wkoll li l-qawwiet navali tal-Istati Uniti għadhom qed jagħlqu l-aċċessi lejn il-portijiet tal-Iran fiz-zona ta’ Hormuz; b’Washington u Teheran qegħdin jakkużaw lil xulxin dwar diversi abbużi għall-ftehim.

Donald Trump, intant, irrefera għall-attakki ta’ xhur ilu fuq is-siti nukleari tal-Iran li, mill-ġdid, iddeskrivihom bħala ‘suċċess kbir’.  Hu spjega wkoll li għandu jkun diffiċli ħafna għall-Iranjani biex jirkupraw il-fdalijiet tal-uranjum irraffinat mis-siti inkwistjoni. L-attakki inkwistjoni kienu seħħew f’Ġunju li għadda u li fihom madwar 120 ajruplan militari sparaw il-missili lejn il-faċilitajiet nukleari ta’ Fordo, Natanz u Isfahan.

Fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll konferma li l-Iran għadu taħt blackout totali tal-Internet, bis-sitwazzjoni ma tinbidilx sa mill-ewwel jum tal-gwerra mal-Istati Uniti.


Dan waqt li l-uffiċjali Iranjani qed jgħidu li l-projbizzjoni għas-servizzi tal-Internet qed ikunu infurzati biex jipproteġu s-‘cyberspace’ tagħhom u meta huma biss żewġ entitjiet ewlenin tar-reġim Iżlamiku li baqgħu bl-aċċess għall-media soċjali.

Aspett importanti ieħor tal-konflitt qed jinvolvi wkoll lil Iżrael u l-Libanu, bl-Iżraeljani għadhom qed jirrifjutaw li jirtiraw lill-militar mit-territorju Lebaniż…Preżenza mfissra bħala strateġija ta’ difiża kontra l-bumbardamenti ta’ Iżrael mill-milizji Xiti tal-Ħeżbollah.

Madankollu, għada l-Ħamis, mistenni li jsir tieni rawnd ta’ taħditiet diretti bejn id-delegazzjonijiet ta’ Iżrael u l-Libanu, fost it-tamiet li s-sitwazzjoni, b’xi mod, tikkalma xi ftit.