Lokali

Il-lukanda ta’ ħdejn l-ajruport se tiftaħ is-sena li ġejja

Il-lukanda ta’ Accor Group, Tribe, mistennija tiftaħ il-bibien tagħha għall-ewwel darba f’Malta fl-2027. Il-lukanda ta’ erba’ stilel se tkun qed topera fuq art tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u qed tinbena bħala parti minn SkyParks 2, żvilupp ewlieni tal-kumpanija.

Id-ditta ta’ lukandi, magħrufa li tpoġġi fiċ-ċentru tad-disinn il-bżonnijiet tal-klijenti, ġiet magħżula wara sejħa miftuħa għall-offerti. Tribe ħarġet bħala l-lukanda ideali biex tikkumplimenta l-viżjoni usa’ għal SkyParks, fejn mistennija tkompli ssaħħaħ l-attrazzjoni tiegħu bħala destinazzjoni moderna fin-nofsinhar ta’ Malta.

Il-lukanda se jkollha 98 kamra, kollha mgħammra b’internet b’saħħtu u teknoloġija intelliġenti, flimkien ma’ faċilitajiet għal-laqgħat u konferenzi, ristorant, pixxina interna u faċilitajiet ta’ spa, kif ukoll pixxina fis-sular ta’ fuq b’veduti panoramiċi. Il-faċilitajiet tal-lukanda ġew iddisinjati b’attenzjoni biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ vjaġġaturi li jiġu Malta fuq xogħol u li jkunu qed ifittxu żjara produttiva iżda fl-istess ħin komda u memorabbli.

L-operat ta’ Tribe se jkun f’idejn Claret Group, pass strateġiku fit-tisħiħ tal-portafoll tagħhom fis-settur tal-ospitalità f’Malta, kif ukoll it-tieni sħubija tagħhom permezz ta’ franchise ma’ Accor.

“Inħossuna onorati li qed nikkollaboraw mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fuq dan il-proġett importanti. Din hija opportunità unika biex naqdu niċċa dejjem tikber ta’ turiżmu, li qed tibbenefika minn żieda fit-traffiku tal-passiġġieri u anke domanda għal akkomodazzjoni ta’ kwalità minn firxa ta’ vjaġġaturi, inkluż dawk fi tranżitu, oħrajn fuq żjarat qosra għal skopijiet ta’ negozju u anke għal passiġġieri li jkunu jixtiequ akkomdazzjoni komda qrib l-ajruport minħabba titjiriet kmieni. Il-faċilitajiet tal-lukanda u l-viċinanza mal-ajruport mistennijin ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni ta’ din il-lukanda bħala hub strateġiku għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw fuq negozju jew għal btala,” qal Sean LeGault, Kap Eżekuttiv ta’ Claret Group.

“Aħna fiduċjużi fil-kapaċità ta’ Claret Group li jopera din il-lukanda b’riżultati pożittivi. It-track record tagħhom fl-industrija lokali tal-ospitalità, flimkien mal-pożizzjoni unika tal-lukanda, b’aċċess għal diversi faċilitajiet fuq il-post, il-kumpless usa’  ta’ SkyParks u ajruport li qed jikber, jagħmlu dan il-proġett l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-Gżejjer Maltin. Nistennew bil-ħerqa li ngħaddu l-binja tal-lukanda lil Claret Group fl-aħħar kwart tal-2026,” qal Thomas Abela Gatt, General Manager ta’ SkyParks Business Centre.

Apparti business hotel, l-iżvilupp ta’ SkyParks 2, se jinkludi żewġ blokok li joffru spazju flessibbli għall-uffiċini, spazji ta’ co-working, ħwienet, stabbilimenti tal-ikel u x-xorb u anke parkeġġ taħt l-art. L-ispazji tal-uffiċini se jkunu disponibbli f’diversi daqsijiet sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ negozji ta’ daqsijiet differenti. Dan l-iżvilupp se jkompli jsaħħaħ il-kunċett ta’ “one-stop shop” li ddefinixxa l-marka SkyParks sa mit-twaqqif tagħha fl-2012, filwaqt li jappoġġja komunità ta’ negozju li, b’dan l-iżvilupp il-ġdid, mistennija tikber b’madwar 2,000 okkupant.