Lokali

“Is-settur tal-Gaming li welled il-PN għadu jħalli l-frott” – Alex Borg bi żjara fl-uffiċini ta’ National Lottery

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Il-viżjoni li kellu Gvern Nazzjonalista fil-qasam tal-gaming għadha sal-lum tħalli l-frott. U pajjiżna jeħtieġ li jkollu Gvern b’viżjoni fit-tul, li tista’ tkompli tmexxi din in-niċċa ekonomika ‘il quddiem.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel it-Tlieta filgħodu fl-uffiċini ta’ National Lottery fl-Imrieħel fejn ra mill-qrib il-ħidma li tagħmel din il-kumpanija Maltija.

Fil-bidu ta’ din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġie milqugħ mit-tmexxija tal-kumpanija, fejn spjegawlu l-operat tagħhom – li jinkludi servizzi varji ta’ logħob f’numru ta’ ħwienet madwar Malta u Għawdex.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Fl-uffiċini tal-Imrieħel hemm madwar 80 ħaddiem iżda jekk wieħed imbagħad jara n-numru ta’ impjegati fl-istabbilimenti kollha, dawn jammontaw għal kważi 600 ħaddiem – f’niċċa ekonomika li kien propju welled Gvern Nazzjonalista, u li ġabet magħha ħafna impjiegi ta’ kwalità.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

F’kummenti ma’ Net News, Alex Borg sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss irid jara li l-qasam tal-gaming jibqa’ b’saħħtu imma jrid jassigura wkoll li jibqa’ joffri dejjem aktar opportunitajiet lill-ħaddiema Maltin.

Minn naħa tiegħu, Iċ-Chief Commercial Officer Franco De Gabriele qal li s-settur tal-gaming baqa’ jikber u jiżviluppa mas-snin u dan iġib miegħu diversi sfidi, fosthom biex wieħed isib ħaddiema mħarrġa u biex jibqa’ kompetittiv f’suq li dejjem qed jinbidel

Intant, għal din iż-żjara Alex Borg kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, mix-Shadow Minister Ryan Callus kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Joseph Grech.