Lokali

Jeħel tlett snin u nofs habs wara serqa vjolenti minn bar f’Paceville

Victor Markovic seraq €6,500 fi flus kontanti minn Nordic Bar fis-6 ta’ Ottubru 2024

Raġel Serb ta’ 43 sena ġie kkundannat tliet snin u sitt xhur ħabs wara li ammetta għal serqa aggravata u vjolenti minn stabbiliment ta’ bar f’Paceville.

Victor Markovic tressaq il-Qorti taħt 14-il akkuza li rriżultaw mill-inċident vjolenti.

L-akkużi kienu jinkludu serqa aggravata ta’ madwar €6,500 fi flus kontanti, li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-vittma, theddid u insulti, li kkaġuna biża’ li tintuża l-vjolenza, arrest illegali, attakk, u ksur tal-ordni pubblika.

Huwa ġie mixli wkoll li libes maskra f’post pubbliku mingħajr ġustifikazzjoni legali, pussess ta’ arma waqt it-twettiq ta’ reat, użu illegali ta’ vettura, kif ukoll ksur ta’ erba’ digrieti separati ta’ ħelsien mill-arrest.

Il-pulizija ġew infurmati bir-reat fis- 6 ta’ Ottubru. Markovic daħal fil-bar fi Triq Santa Rita minn bieb ta’ wara u sab ħassiel li kien waħdu. Hu talbu l-flus, iżda l-ħassiel ma kellux informazzjoni dwar il-flus tal-istabbiliment u ma setgħax jgħinu.

Markovic sussegwentement daħal f’uffiċċju u ħa €6,500 fi flus minn ġo kexxun.

Markovic ġie arrestat wara li l-pulizija il-vettura tiegħu Honda Fit f’Għawdex. Huwa inizjalment ċaħad l-akkużi meta tressaq il-qorti fil-31 ta’ Ottubru 2024.

Madankollu, fl-14 ta’ April 2026, l-akkużat ammetta l-akkużi kollha mingħajr kundizzjoni. Il-Qorti żgurat li huwa kien konxju sew tal-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu u tatu ħin biex jerġa’ jikkunsidra l-ammisjoni.

Il-partijiet qablu fuq piena ta’ tliet snin u sitt xhur ħabs.

Fid-dawl tal-ammissjoni volontarja, il-qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrieh. Hija kkunsidrat n-natura tar-reati, l-ammissjoni tal-akkużat u l-fedina penali nadifa tiegħu u kkonfermat is-sentenza maqbula.

Bħala konsegwenzi oħra, il-Qorti ordnat is-sospensjoni ta’ kwalunkwe liċenzja tal-armi li seta’ kellu l-akkużat u pprojbitu milli jikseb waħda għal ħames snin.

Numru ta’ depożiti tal-ħelsien mill-arrest ġew parzjalment ikkonfiskati favur il-Gvern ta’ Malta, u ordnijiet oħra ta’ ħelsien mill-arrest ġew revokati, bil-Qorti tordna l-arrest mill-ġdid tiegħu f’ċerti każi.

L-akkużat ġie wkoll ordnat iħallas €5,911.10 f’kumpens u €10,207.39 fi spejjeż relatati mal-esperti.

Ġiet imposta wkoll ordni ta’ trażżin ghal tliet snin favur il-ħassiel.

Il-Maġistrat Ann-Marie Thake ppresediet il-każ. L-Avukat Noel Bianco deher għall-akkuzat.