Lokali

“L-għoli tal-ħajja jkompli jirranka għal xahar ieħor konsekuttiv” – PN

Il-Gvern jibqa’ jinjora l-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet dejjem jogħlew, speċjalment dawk tal-aktar affarijiet essenzjali

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb bl-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li juru li l-għoli tal-ħajja qed ikompli jirranka xahar wara l-ieħor.

Statistika tal-NSO li ħarġet illum dwar il-prezzijiet f’Marzu turi kif ix-xahar li għadda r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja kienet fil-livell ta’ 2.7% li jfisser li żdiedet b’0.2 punti perċentwali fuq Frar.

Għal darba oħra, skont l-NSO, l-akbar żieda li kkontribwiet biex ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja reġgħet għoliet minn 2.5% fi Frar għal 2.7% f’Marzu 2026 kienet iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb.

L-indiċi tal-prezzijiet għall-oqsma kollha wrew żieda, ħlief għall-indiċi tal-prezzijiet tal-ħwejjeġ u ż-żraben. Fil-fatt żidiet oħra kienu rreġistrati fl-indiċi tal-prezzijiet tal-housing, dak tas-servizzi, dak tal-kura personali u s-saħħa, dak tar-rikreazzjoni u anke dak tat-trasport u l-komunikazzjoni. Minn fost dawn kollha, l-ogħla prezzijiet kienu dawk irreġistrati fil-qasam tal-akkomodazzjoni.

Din l-istqarrija dwar l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (Retail Price Index) hija konferma li l-prezzijiet ta’ dawk li huma l-aktar affarijiet essenzjali għall-familji Maltin jibqgħu fost l-aktar li qed jogħlew u l-Maltin jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet dejjem ogħla.

Hija wkoll konferma ta’ kemm il-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta qed ikomplu jagħmluha dejjem aktar diffiċli għal dawk li qed jippruvaw isiru sidien ta’ djarhom, minħabba li qed ikollhom jiffaċċjaw prezzijiet tal-Housing dejjem jogħlew, xahar wara l-ieħor, inkluż jekk jiġu biex jikru.

Ir-rata tal-għoli tal-ħajja għal Marzu mhux biss żdiedet fuq ix-xahar ta’ qabel imma żdiedet sew ukoll fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel, Marzu 2025, meta kienet fil-livell ta’ 2.1%. Dan ifisser li fuq perjodu ta’ sena, kien hemm żieda ta’ 0.6 punti perċentwali fir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna.

Lil hinn mill-figuri, din hija r-realtà iebsa ta’ kuljum għal eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin: spejjeż dejjem jiżdiedu, pagi li ma jlaħħqux u Gvern li jagħlaq widnejh għall-inkwiet tan-nies.

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed iressaq proposti konkreti biex jindirizza din il-kriżi – miżuri li magħhom jaqblu l-imsieħba soċjali imma li l-Gvern qed iwarrab fil-ġenb kif għamel meta vvota fil-Parlament kontra l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi indirizzat l-għoli tal-ħajja.

Is-soluzzjonijiet li qed iressaq il-PN jinkludu:

•          It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) biex il-ħaddiema jgawdu miż-żieda kollha,

•          Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn overtime u part-time biex min jaħdem iżjed igawdi iżjed,

•          Tax credits għal min iħaddem biex ma jkollux jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għall-COLA,

•          Fond nazzjonali għall-industrija li timporta jew tesporta biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-akkwist u tat-trasport,

•          Mudell ekonomiku ġdid u sostenibbli, ibbażat fuq setturi ta’ valur miżjud, li joħolqu xogħol ta’ kwalità, b’pagi ogħla u aktar produttività.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem f’isem dawk li llum mhux qed ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja u f’isem in-negozji li għandhom bżonn l-għajnuna. Filwaqt li l-Gvern Laburista jibqa’ indifferenti, il-PN lest li jmexxi l-pajjiż b’direzzjoni ġdida li tipprovdi soluzzjonijiet serji u li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.