Lokali

“M’hemmx għaġla” biex jiġu ppreżentati l-liġijiet tal-ippjanar

Ritratt: Matthew Tabone

Il-liġijiet tal-ippjanar baqgħu fuq fomm kulħadd, wara numru ta’ talbiet li saru sabiex il-policies kontroversjali li tħejjew minn Kastilja jitneħħew kompletament u jerġgħu jinkitbu mill-bidu.

Iżda, dan mhux talli ma sarx talli mhux se jkun qed isir; kif kien ikkonfermat mill-Gvern numru ta’ drabi.

Net News din il-ġimgħa tkellem mal-Ministru responsabbli Clint Camilleri fejn staqsejna meta qed jara li dawn il-liġijiet jiġu ppreżentati – bil-Ministru jiddikjara li l-Gvern m’għandu l-ebda għaġla biex jippreżenta l-liġijiet kif emendati.

Minkejja li l-Ministru Camilleri ddikjara li qed isiru laqgħat mal-NGOs, fost l-oħrajn, ftit tal-ġranet ilu ‘Ġustizzja għal Artna’ sejjħu protesta propju quddiem Kastilja b’rabta mal-liġijiet imressqa mill-Gvern.

L-għajta tal-NGOs kienet sabiex pajjiżna jingħata lura l-ODZ u l-infurzar, u mhux żuffjettar mill-awtoritajiet. Filwaqt li anke ressqu ‘l quddiem erba’ talbiet għal dawn il-liġijiet.

Apparti t-talba sabiex dawn il-liġijiet jiġu rtirati fit-total tagħhom, l-għaqdiet qed jitolbu infurzar, il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ art ODZ u anke li jieqaf ix-xogħol waqt l-appelli.