Opinjoni

Opinjoni: Minn Oppożizzjoni li taħdem… għal Gvern li jwettaq

F’din il-leġiżlatura rajna realtà ċara: pajjiż li qed jiffaċċja sfidi serji kuljum

Ivan Castillo
Shadow Minister
għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni

Iżda rajna wkoll xi ħaġa oħra importanti, Oppożizzjoni li mhux biss tikkritika, imma taħdem, tipproponi u preparata biex tmexxi.
Il-Partit Nazzjonalista wera li huwa ħafna aktar minn watchdog. Iva, konna determinati, konsistenti u b’aħħitna biex nesponu n-nuqqasijiet tal-Gvern, dak parti mill-obbligu li għandna bħala Oppożizzjoni, għalhekk nissejħu Oppożizzjoni, nuqqasijiet li llum saru parti mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Iżda ma waqfniex hemm. Morna pass lil hinn: ippreżentajna soluzzjonijiet konkreti, studjati u innovattivi, għax apparti minn dak li aħna obbligati li nagħmlu kostituzzjonalment, irridu wkoll nippreżentaw ruħna bħala gvern alternattiv. Gvern Nazzjonalista li kapaċi mhux biss jagħmel aktar, imma jagħmel aħjar, fejn ħadd ma jibqa’ lura. Gvern ta’ kulħadd u mhux tal-ftit
Pereżempju, il-kwistjoni tat-tnaqqis fir-rata tat-twelid. Filwaqt li l-Gvern baqa’ jirreaġixxi tard jew parzjalment, aħna indirizzajna din il-problema snin ilu b’od olistiku. Proposti bħal parent rate 2 biex jgħin finanzjarjament lill-familji, sena maternity leave biex tingħata spazju reali lill-ġenituri, aktar flessibbiltà fid-dinja tax-xogħol, u anke tax credits għal min iħaddem, dawn kollha juru viżjoni li tifhem ir-realtà tan-nies u taħdem magħha, mhux kontriha.
U kull proposta li għamel il-Partit Nazzjonalista ġiet ikkonfermata mill-NCPE (National Commission for the Promotion of Equality), li dan huwa l-mod kif il-pajjiż għandu jimxi ’l quddiemu, u dan fid-dawl li l-NCPE hija kummissjoni maħtura mill-Gvern Laburista stess. Kif ukoll esperti fis-settur ukoll taw raġun lill-Partit Nazzjonalista.
L-istess japplika għall-kwistjoni tal-popolazzjoni u l-imigrazzjoni. Il-Gvern ipprova jagħmel damage control b’miżuri li jidhru aktar bħala reazzjoni għall-pressjoni pubblika milli politika serja. Aħna, min-naħa tagħna, ippreżentajna politika aktar bilanċata u sostenibbli, li jħares lejn kull settur b’mod separat li tħares kemm lejn il-ħaddiema, il-familji, kif ukoll lejn il-kapaċità reali tal-pajjiż.
Imbagħad hemm it-traffiku, simbolu ċar ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-tul. Il-Gvern kien l-arkitett ta’ din il-kriżi, u llum jidher bla direzzjoni. Minn wegħdiet vojta ta’ metro li qatt ma mmaterjalizza, għal “Vision 2050” li swiet miljuni u xorta fiha “O Be Announced” Dan mhux pjan, dan huwa ammissjoni ta’ falliment.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, għandu pjan ċar u realistiku. Mhux biss nafu x’irridu nagħmlu, imma nafu wkoll meta u kif se nwettquh. Dan hu d-differenza bejn paroli u tmexxija serja.
Fis-settur tal-edukazzjoni, is-sitwazzjoni hija allarmanti. Minn żmien fejn kienet tinbena skola kull sena, illum għandna skejjel li ma jifilħux iżjed tfal. Skejjel ġodda bħal dik tal-Qawra, li damet timbena izjed milli damu l-kavallieri biex jibnu il-Belt, li diġà huma full capacity, u oħrajn bħal dak tal-Imġarr fejn spazji edukattivi qed jiġu mibdula f’klassijiet biex ilaħħqu mad-domanda. U x’nhi r-risposta tal-Gvern? Silenzju.
Dan mhux biss nuqqas ta’ppjanar, huwa nuqqas ta’responsabbiltà, u rispett lejn it-tfal u l-familji tagħna. Ejja nkunu ċari: Dan il-Gvern mhux biss ħoloq il-problemi, iżda jinsab kompromess sal-punt li ma jistax isolvihom. Bla milestones, bla direzzjoni, bla viżjoni. Gvern li mhux nieqes xejn mill-propaganda u marketing… però meta tagħsar sfurtunatament dak li llum vera hemm bżonn isir għadu ma sar xejn.
lllum, 45% tal-ħaddiema Maltin jaqilgħu inqas minn €19,000 fis-sena.
Għandna wieħed mill-ogħla livelli ta’ għoli tal-ħajja fl-Ewropa.
L-agħar fl-affordabbiltà tad-djar qed jaqbeż lil kulħadd.
L-agħar fil-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
L-agħar fil-korruzzjoni u governanza ħażina.
57% tan-nies jgħidu li huma stressati fuq ix-xogħol, fost l-ogħla fl-Ewropa.
Għandna l-inqas rata ta’ twelid.
Id-dejn taħt dan il-Prim Ministru huwa iżjed minn dak tal-Prim Ministri kollha l-oħra flimkien mill-Indipendenza ’l hawn, u d-defiċit ta’ għada huwa l-problema l-kbira qed nisselfu għal-lum u mhux biex nibnu għada aħjar.
L-agħar fit-traffiku u l-kongestjoni.
Għandna l-agħar kwalità tal-arja, u l-agħar f’verdevelopment u densità tal-popolazzjoni.
U fost dawn kollha nistaqsi x’qed jipproponi Gvern li krea dawn il-problemi kollha… Risposta: Xejn!
Din mhix Malta li rridu.
Il-Partit Nazzjonalista mhux biss lest u preparat biex isolvi dawn l-isfidi imma biex joħloq prosperità ġdida, b’tim magħqud, b’tim li lest li jservi verament lill-poplu Malti u Għawdxi.
Iva hemm triq oħra.
Il-Partit Nazzjonalista wera, tul din il-leġiżlatura, li għandu l-kapaċità, il-kuraġġ u l-viżjoni biex mhux biss jikkritika, imma jmexxi. B’deat ċari, soluzzjonijiet konkreti u impenn lejn in-nies.
Issa wasal il-mument li ngħaddu minn Oppożizzjoni li taħdem… għal Gvern li jwettaq.
Malta jixirqilha aħjar. U flimkien, nistgħu nagħmluha realtà.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.