Opinjoni

Opinjoni: Tifkiriet u esperjenzi… meta baqgħet tinħass l-influwenza ta’ protagonisti fil-politika Britannika

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkultural

Il-‘moral compass’
Segwejthom flimkien u wara fi triqithom… bnedmin li mmarkaw perjodu partikolari tal-politika Ingliża. Dawk li influwenzaw fl-użu partikolari tagħhom tal-poter. Kif ukoll dawk li għadhom sal-lum b’xi mod parti minn dak li huwa għaddej f’dak il-pajjiż. Minn dawk t-tlieta ltqajt ma’ tnejn. Wieħed fil-poter ta’ Prim Ministru u nqis fl-aqwa tiegħu. L-ieħor wara meta kien irtirat. Fil-fatt missejt f’ħajti b’xi mod ma’ tliet (illum) Eks-Prim Ministri ta’ dak il-poplu li għadu jinfluwenza minkejja li ż-żmien jgħaddi lilna f’ħafna. Niftakarni nkellem lil Gordon Brown (1951) f’Berlin għal ftit ħin waqt ikla fl-anniversarju tal-waqa’ tal-ħajt infami ta’ dik l-belt… lil Tony Blair (1953) meta kien ġie f’pajjiżna flimkien ma’ martu u kont ġejt mistieden sabiex niltaqa’ magħhom flimkien ma’ diversi oħra.

It-tielet
Dak li kien it-tielet persuna li aġixxa f’protagoniżmu li dak li kien ‘new labour’ ma ltaqajtx miegħu. Peter Mandelson (1953) bħalissa jinsab fl-istejjer ta’ kull ġurnata wara dak li rriżulta fl-Epstien files. Il-ktieb tiegħu “The Third Man. Life at the heart of new labour” (2010) huwa wieħed minn dawk li sa issa għadni ma rnexxilix naqra minn qoxra sa qoxra. Imma minn dak li qrajt huwa mimli b’osservazzjonijiet li jfehmu ftit iktar dwar il-ħidmiet politiċi ta’ dan t-trio…. senjatament fil-punt l-iktar diffiċli. Dak li huwa marbut ma’ kif u għala intgħażel Tony Blair biex jmexxi l-partit Laburista Ingliż u mhux Brown. Tqajmu diversi kumplikazzjonijiet u Brown — fil-bidu u naħseb anki llum, b’xi mod, ħadha kontra Mandelson. Wara, meta eventwalment sar Prim Ministru fl-2007 Gordon Brown ipprova jibni mill-ġdid u sejjaħ lil Mandelson fl-2009 sabiex jgħinu u jidħol lura fil-kabinett.

Ġlied intern
Tmiss ma’ dan Theresa May (1956), bint saċerdot fil-Knisja Anglikana, parti mill-Partit Konservattiv Ingliż u li hija wkoll saret Prim Ministru fl-2016. Din il-persuna intelliġenti, preċiża u diretta sirt nafha meta kienet Ministru tal-Intern u kelli l-opportunità niltaqa’ magħha. Hija wkoll titkellem u tilmenta fuq l-aġir żleali ta’ politiċi oħra kif jindika l-ktieb tagħha “The Abuse of Power” (2023). Boris Johnson (1964) ma kienx l-aqwa fil-lealtà magħha u ma’ oħrajn. Dan huwa l-punt determinanti li għadu miftuħ sew fil-ħidma korretta jew le. Peter Mandelson, intant, kien kiteb hekk: “Whatever my other failings, I am a loyal person, and I rate loyalty above all qualities. There were many times in my political life when it would have been simpler for me either to keep my head down, or to change sides at an opportune moment.” (Huma x’inhuma d-difetti li għandi, jien bniedem leali, u nagħti importanza lil dan fuq kwalitajiet oħra. Kien hemm diversi mumenti fil-ħajja politika meta kien ikun eħfef għalija li nżomm rasi baxxuta, jew li nibdel il-pożizzjoni fil-mument opportun.) Madankollu, ma naħsibx li Brown emmnu jew jemmnu… aktar u aktar meta f’diversi mumenti hemm fil-ktieb il-messaġġ li Brown kien suspettuż fuq dak li ma kellux jkun.

Qalu tagħhom
F’dan kollu wara dawn is-snin wieħed għandu l-vantaġġ li dawn it-tliet politici bl-ideat u l-iskopijiet personali u soċjali tagħhom kitbu dwar l-avvenimenti li seħħew. Blair, bil-ktieb tiegħu “A Journey” (2010) fl-istess żmien dak ta’ Mandelson jikteb fit-tul imma dwar Brown narah li huwa iktar attent u juri stima u rispett. Għaddew wara seba’ snin sabiex Brown ra l-awtobijografija “My Life. Our Times” jiġi pubblikat. Hemm ħareġ aktar il-ħsieb li huwa ma ngħatax l-istima li ħaqqu sija bħala Prim Ministru kif ukoll bħala l-Ministru tal-Finanzi. Saret però l-kritika lejh li ħalla wisq żmien jgħaddi biex jitkellem. Hemm iwieġeb: “I think this is the right time, seven years on, to explain what you have been doing, how you saw the events of the time, what lessons you learnt and how the past shapes our future.” (Naħseb li dan huwa l-mument it-tajjeb, seba’ snin wara, biex wieħed jispjega dak li kont qed twettaq, dak li rajt l-eventi taż-żminijiet, x’lezzjonijiet ħadt u kif il-passat jagħġen il-futur tagħna.)

Il-ktieb
Brown illum wara riflessjonijiet pubbliċi varji u naħseb aktar fuq dak li għaddej b’Mandelson huwa l-iktar Eks Prim Ministru popolari. Hemm proċess interessanti fejn fil-konfront ta’ oħrajn l-aħħar kelmiet ingħadu mentri dwaru għad fadal iktar. Aktar x’wieħed jiskopri dwaru u dwar kif ħares jew għadu jħares lejn il-politika. Għadu proprju suġġett għall-attenzjoni politika. F’dan iktar fil-bidu ta’ din s-sena ġie pubblikat il-ktieb “Gordon Brown: Power with Purpose.” tal-awtur James Macintyre. Huwa wieħed minn dawk il-kotba li għadni ma qrajtx però li nixtieq li naqra aktar ’il quddiem. Sibt reċenzjoni fil-“London Review of Books” ta’ Andy Beckett (1969) li tiftaħ preċiżament fuq dan il-punt u tħares fil-fond lejn bniedem li kien kapaċi imma ma sabx biżżejjed għajnuna u l-appoġġ li kien ħaqqu. Il-ktieb imiss u jibni fuq l-popolarità ta’ Brown u jikteb li din hija r-riżultat ta’: “Some of this recovery is a matter of personal integrity” (Parti sew minn din il-bidla hija riżultat ta’ integrità personali.) Macintyre jikteb hekk dwaru “The thing which is distintive about Gordon Brown was that he didn’t see being a politician as an end to itself, (but) as an opportunity to do things in government at the highest level, things which had been his purpose for all his life such as tackling poverty or investing in the NHS or being tough with public finances” (Il-punt li huwa distintiv dwar Gordon Brown kienet li ma rax il-fatt li jkun politiku bħala għan fih innifsu imma bħala opportunità li jwettaq atti fil-Gvern fl-ogħla livell, atti li kienu l-iskop sħiħ ta’ ħajtu, bħal li jara l-faqar jonqos jew jinvesti fis-saħħa pubblika jew ikun iebes fuq l-infiq tal-finanzi pubbliċi.)

Boxxla morali
Fil-verità, il-bniedem iben sacerdot u influwenzat sew miċ-Church of Scotland dejjem ħa ħsieb jiddikjara li huwa għandu “moral compass” li tmexxih f’ħidmietu. Persuna li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar fil-fatt tifhem kemm influwenza sew il-politika tal-Partit Laburista fil-Gvern għal tlettax-il sena sħaħ. Waħda li ngħata minnha ħafna kreditu Tony Blair għal ħafna żmien però f’dawn il-kotba reċenti qed joħorġu aktar fid-dawl ħidmietu. Dawl politiku interessanti. Iktar fl-għarfien ċar li Brown ma firidx il-kuxjenza morali u soċjali tiegħu ffurmata fis-snin u mertu ta’ prinċipji etiċi nsara minn ħidmet il-politiku.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 21 ta’ April, 2026.