Lokali

Sewwieq ta’ mutur ferut gravi wara ħabta fil-bypass l-antika ta’ Wied il-Għajn

Sewwieq ta’ mutur iddaħħal l-isptar b’urġenza wara inċident li seħħ it-Tnejn għall-ħabta tat-8am, fi Triq Wied il-Għajn, f’Ħaż-Żabbar.

Il-Pulizija marru minnufih fil-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Mercedes Benz misjuqa minn żagħżugħ ta’ 28 sena residenti Ħal Tarxien u mutur Peugeot Tweet misjuq minn żagħżugħ ta’ 23 sena min-Nepal li jgħix Ħaż-Żabbar stess.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei.
Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.