Isaura Camilleri rebħet it-titlu nazzjonali tal-5km għall-ewwel darba fil-karriera b’riżultat mill-aqwa f’Ta Qali, fil-ħames appuntament tal-istaġun tar-Road Running League ta’ Athletics Malta. Hija temmet fi 17-il minuta u 37sekonda quddiem Ritianne Zammit ta’ Pembroke Athleta 7 sekondi warajha u Roberta Schembri ta’ Evolve bi 18-il minuta u sekonda.
Fil-kategorija tal-irġiel suċċess doppju għaż-żagħżugħ ta’ 21 sena, Gabriel Farrugia li mhux biss rebaħ it-titlu nazzjonali tal-5km, iżda wara l-ħames rebħa tiegħu f’dan l-istaġun assigura ruħu mir-rebħ tal-Road Running League għal dan l-istaġun. Huwa rebaħ f’ 14-il minuta u 26 sekonda li huwa rekord nazzjonali fuq id-distanza, kemm fil-kategorija tal-kbar kif ukoll f’dik ta’ taħt it-23 sena. Simon Spiteri daħal fit-tieni post 7 sekondi warajh fejn l-atleta ta’ St Patrick issieħeb ma’ Farrugia biex kiseb post fil-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Luke Micallef ta’ Pembroke daħal fit-tielet post.
Simon Spiteri ta’ St Patrick temm fit-tieni post b’14 il-minuta 33 sekonda u Luke Micallef ta’ Pembroke 10 sekondi wara. Bit-titlu. tal-irġiel mirbuħ, Aidan Tanti, Charlton Debono, Tommy Wallbank u Isaac Leo Attard se jkunu qed jissieltu bejniethom fl-aħħar tellieqa għat-tieni u t-tielet post.
Il-kampjonat tan-nisa għadu miftuħ, fejn Ritienne Zammit, Isaura Camilleri, Roberta Schembri u Rosalie Borg għadhom fiċ-ċans tar-rebħ li jkun deċiż fl-aħħar tellieqa ta’ 5k, organizzata minn Mellieħa Athletics Club fit-3 ta’ Mejju.
Fil-kampjonat tal-klabbs, fil-kategorija irġiel, Żurrieq Wolves saħħew posthom fl-ewwel post filwaqt li Mellieħa AC kabbru l-vantaġġ fuq Evolve Endurance Club fit-tieni post. Fil-kategorija tan-nisa, Pembroke jinsabu qrib li jiddefendu t-titlu tagħhom,b’vantaġġ sostanzjali fuq Evolve.
Suċċess ieħor għal atletika lokali barra minn pajjiżna wara li Mireya Bugeja rebħet tellieqa ta’ 1500m f’North Carolina, waqt il-Wake Forest Invitational, fejn temmet f’4 minuti u 23.22 sekondi li huwa wkoll
rekord nazzjonali ġdid ta’ Taħt it-23 sena.


