Lokali

“Bi Gvern immexxi minni, il-kontijiet mhux se jogħlew” – Alex Borg

“Hija gidba li l-Partit Nazzjonalista kontra s-sussidji.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fejn insista li mhux minnu dak li qiegħed jingħad mill-Partit Laburista.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li bi Gvern immexxi minnu l-prezzijiet tad-dawl, ilma u fuel mhux se jkunu qed jiżdiedu, wegħda ċara u prijorità assoluta għall-Partit Nazzjonalista.

Huwa sostna li n-nies iridu enerġija li tista’ sserraħ fuqha u Gvern li jaħseb fit-tul – dan filwaqt li fakkar x’seħħ tul is-sjuf li għaddew, qtugħ tad-dawl, dlam, negozji u familji sħaħ isofru fis-sħana tremenda.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li f’dak li għandu x’jaqsam enerġija, iżda mhux biss, ma tistax tistenna kriżi sabiex taġixxi imma trid tħejji u tippjana – tinvesti sa minn qabel sabiex tilqa’ għal dak li jista’ jseħħ.

Alex Borg sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qiegħed jinvesti ferm aktar fl-enerġija rinovabbli fejn fakkar kif preżentament taħt din l-amministrazzjoni fil-Gvern u dawk preċedenti fl-aħħar 13-il sena, Malta tagħmel l-inqas użu mill-enerġija rinnovabbli. Dan minkejja li l-elementi tax-xemx, riħ u baħar li għandna madwarna.

Huwa spjega li Gvern ġdid Nazzjonalista jsaħħaħ id-distribuzzjoni sabiex sajf ieħor ta’ din il-kriżi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-pajjiż jeħtieġ politika serja, sostenibbli, li tħares li tipproteġi lill-familji u lill-ambjent.