Ekonomija Lokali

Ċifri tal-Gvern stess jikkonfermaw li d-dejn kompla jisplodi ‘l fuq, u li għandna ħofra ta’ €545 miljun f’defiċit

Il-famuż surplus tar mar-riħ

Ċifri uffiċjali tal-Gvern jikkonfermaw li fl-2025, is-settur tal-Gvern Ġenerali rreġistra defiċit taʼ €545.3 miljun – li huwa ekwivalenti għal 2.2 fil-mija tal-GDP.

Dan ħareġ ċar mill-istatistika li ġiet ppubblikata llum mill-NSO.

L-istess ċifri juru li fl-2025, id-dejn żdied bʼ€776.0 miljun fuq is-sena taʼ qabel, u laħaq il-€11,397.1 miljun jew 46.4 fil-mija tal-GDP.

Fi kliem sempliċi, il-Gvern għamel dejn li issa qabeż il-11.3 biljun ewro.

Iċ-ċifri li ppubblika l-Gvern juru wkoll kif fuq erba’ snin id-dejn kompla jisplodi ‘l fuq – minn 9 biljun ewro fl-2022, għal aktar minn 11.3 biljuni s-sena li għaddiet. Fl-istess waqt, spiċċa l-famuż surplus li tant kien jiftaħar bih il-Labour. Dan apparti li l-Ministru tal-Finanzi stess qed jipproġetta li d-dejn – sal-2030 – se jibqa’ jitla’, u jilħaq 13.2 biljun ewro.