Ambjent BREAKING NEWS Għawdex Lokali

ESKLUSSIVA: Clint Camilleri jaħrab milli jgħid min kellu “interess” li jinbidel il-local plan tax-Xewkija

Konfermata mill-Ministru stess. Kien il-Gvern li f’anqas minn 12-il xahar qabad u rreveda l-local plan tax-Xewkija. Dan witta t-triq biex numru ta’ binjiet illegali jiġu sanzjonati – għalkemm l-istorja tmur lil hinn minn hekk.

Ftit tal-jiem ilu, TheShiftNews żvelaw il-manuvri li saru sabiex inbidel il-local plan tax-Xewkija. Biz-zona affetwata, dejjem skont TheShift, tinkludi binjiet bil-pools, faċilitajiet fejn jitrabbew it-tiġieġ u anke impjant – li jappartjeni lill-aħwa Vella, magħrufin baħal ‘Tal-Malla’.

Ħafna nies fix-Xewkija stess jafu kemm din il-familja hi qrib sew ta’ Robert Abela. U issa, spiċċaw fis-sitwazzjoni fejn il-binjiet tagħhom ġew sanzjonati – fi kliem sempliċi, ma baqgħux illegali.

Net News staqsa direttament lill-Ministru Clint Camilleri, li mhux biss huwa Ministru għal Għawdex, imma anke l-Ministru tal-Ippjanar – li għall-ewwel, għamilha ta’ bir-ruħu li ma jafx għal-liema zona fix-Xewkija qed nirreferu.

Eventwalment, kellu jammetti li din kienet reviżjoni tal-pjan lokali. Li fi kliemu stess, saret fuq “struzzjonijiet tal-Gvern”.

Clint Camilleri deher tassew skomdu meta saqsejnih jekk hemmx nies qrib il-Gvern li ġew aġevolati b’dan it-tibdil fil-local plan. Biex il-Ministru, spiċċa prova jikkontradixxi anke l-provi li bdejna nuruh dwar din l-art fejn ‘Tal-Malla’ għandhom l-interessi. U baqa’ jevita din il-mistoqsija diretta.

Ritratt: Matthew Tabone