Lokali

Fl-2025 id-dejn ta’ pajjiżna kompla jilħaq livelli rekord

Filwaqt li l-Ministru Clyde Caruana dalgħodu wegħedna li l-Gvern se jibbilanċja l-kotba tiegħu sal-2029 – jiġifieri tliet snin oħra – meta possibbilment ikollna surplus, ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li ġew ippubblikati ftit qabel jikkonfermaw li matul l-2025 pajjiżna kellu żbilanċ ta’ aktar minn €545 miljun u dejn rekord ta’ €11.4 biljun.

Dwar dan tkellem il-PN fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia.

L-istatistika tal-NSO tikkonferma li matul is-sena l-oħra d-dejn ta’ pajjiżna kompla jiżdied minn €10,621 miljun fi tmiem l-2025 għal €11,397 miljun fi tmiem l-2025. Dan ifisser żieda ta’ €776 miljun fuq perjodu ta’ sena.

Din iċ-ċifra ta’ aktar minn 11-il biljun ewro f’dejn fl-aħħar tal-2025 hija ekwivalenti għal aktar minn €28,200 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.

Kaġun tal-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern u d-dejn rekord, Malta tinsab fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li daħħalna fiha l-Gvern Laburista f’Lulju tas-sena 2024 – jiġifieri kważi sentejn ilu. Sena ilu, il-Ministru tal-Finanzi kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura sa ftit xhur wara imma issa, dalgħodu, qalilna li probabbli noħorġu mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv tal-UE s-sajf li ġej.

Il-livell qawwi ta’ dejn li għabba lill-poplu bih Robert Abela jfisser li kemm ilu li sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.

Bil-politika ta’ Gvern Laburista, id-dejn se jkompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun kif ħabbar il-Ministru għall-Finanzi stess fl-aħħar budget. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa tliet snin oħra, se jkun ittrippla d-dejn.

Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Skont ċifri ppubblikati fl-aħħar ġimgħat, fl-aħħar ta’ Frar dan kien jammonta għal €51.3 miljun. Skont il-previżjoni tal-Gvern fil-Budget 2026, din is-sena hu proġettat li l-poplu Malti jħallas bejn €340 u €350 miljun f’imgħax fuq id-dejn pubbliku, li jfisser kważi miljun ewro kuljum. 

Il-Gvern qed ikompli jżid id-dejn minkejja li llum kulħadd qed jirrikonoxxi li xorta mhu qed isir xejn biex jiġu indirizzati l-akbar problemi tal-pajjiż, fosthom l-għoli tal-ħajja li kompliet tiżdied, problemi fil-qasam tal-infrastruttura, konġestjoni tat-traffiku ma taqta’ xejn, tniġġis fl-ibħra tagħna u kjuwijiet dejjem jitwalu fl-isptarijiet.

U waqt li d-dejn ta’ pajiżna jkompli jiżdied bla kontroll, u l-imgħax fuq id-dejn ikompli tiela’, il-Ministri u sħabhom viċin il-Gvern tal-Labour ikomplu jitħanżru, l-infiq bl-addoċċ ikompli għaddej, waqt li jkomplu ħerġin dejjem aktar skandli li huma xhieda ta’ Gvern li għeja, u li tilef kull kontroll fuq ir-riedni tal-pajjiż.