Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw kumpaniji lokali, u jagħtihom is-sostenn meħtieġ biex ikomplu jespandu anke barra minn xtutna – PN

Il-Kap tal-PN Alex Borg ikompli biż-żjarat lill-kumpaniji u fuq il-postijiet tax-xogħol – iżur il-Foster Clark u Camilleri Group; żewġ kumpaniji tal-familja li llum kibru, espandew lejn swieq ġodda u ddiversifikaw

Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-kumpaniji lokali u jagħtihom is-sostenn meħtieġ biex mhux biss ikomplu jikbru u jinvestu f’pajjiżna, imma anke jespandu lejn swieq barranin, lil hinn minn xtutna.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fi tmiem żewġ żjarat oħra li għamel dalgħodu f’kumpaniji differenti fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u kellu wkoll taħditiet mal-management tal-kumpaniji rispettivi.

Il-Kap tal-PN kompla biż-żjarat tiegħu lin-negozji u l-postijiet tax-xogħol bi żjarat li għamel illum fil-fabbrika tal-Foster Clark f’San Ġwann, u aktar tard fil-kwartieri ta’ Camilleri Group f’Tal-Ħandaq – żewġ kumpaniji tal-familja li llum kibru u ddiversifikaw f’setturi differenti, kif ukoll daħlu fi swieq anke barra minn xtutna.

Għand il-kumpanija Foster Clark – kumpanija tal-manifattura tal-ikel – il-Kap tal-PN intlaqa’ mid-diriġenti tal-kumpanija li dawruh ma’ waħda mill-fabbriki fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u seta’ josserva mill-qrib kif isiru id-diversi prodotti li toffri Foster Clark u l-proċess li jgħaddu minnu qabel jaslu għand il-konsumatur.  Il-prodotti jinkludu custard, jelly, xorb, taħlitiet tad-deżerti, cake mixes, essenzi u food colouring, fost ħafna oħrajn.

Apparti f’Malta, din il-kumpanija għandha impjanti tal-manifattura fl-Arabja Sawdija u anke fl-Italja, waqt li l-prodotti tagħhom tista’ tgħid li jmorru kollu għall-esportazzjoni – b’aktar minn 99% tal-produzzjoni tispiċċa fi 80 pajjiż madwar id-dinja kollha, fosthom prodotti esklussivi għal numru ta’ swieq barra minn xtutna. F’San Ġwann il-Foster Clark, li tifforma parti mill-Grupp ta’ kumpaniji Francis Busuttil & Sons, għandha tliet fabbriki mifruxin fuq seba’ blokok differenti. Il-Grupp jimpjega mal-1,000 ruħ, b’400 minnhom direttament ma’ Foster Clark.

F’laqgħa mal-Kap tal-PN, l-amministrazzjoni tal-kumpanija qasmet miegħu l-isfidi li qed taffaċċja u l-aspirazzjonijiet li għandha biex tkompli tespandi.

Il-Kap tal-PN Alex Borg intwera d-diversi taqsimiet tal-fabbrika, inkluż dawk fejn tispikka l-awtomazzjoni u t-teknoloġija avvanzata bl-użu ta’ robots, u faħħar l-impenn ta’ din il-kumpanija Maltija biex tinvesti fil-ħaddiema tagħha b’taħriġ kontinwu u anke skilling u re-skilling.

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Foster Clark Joseph Busuttil, l-Operations Director Paul Demanuele u l-Managing Director tad-Distribuzzjoni Kris Lanzon irringrazzjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u lid-delegazzjoni tal-PN għal din iż-żjara u faħħru kull appoġġ li qed jintwera lejn in-negozji Maltin biex ikomplu jespandu.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-PN Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ryan Callus u Jerome Caruana Cilia, il-kandidati tal-PN Jonathan Muscat u Marilena Gauci u s-CEO tal-Partit Nazzjonalista Sabine Agius Cabourdin.

Minn San Ġwann, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista mar f’Tal-Ħandaq fejn żar il-bini prinċipali ta’ Camilleri Group fejn intlaqa’ mid-diretturi – l-aħwa Tonio, Joseph u Andrè Camilleri u mis-CEO George Debono.

Magħrufa l-aktar għall-ħanut ta’ Camilleri tal-Ħelu fil-Belt Valletta, l-oriġini ta’ dan in-negozju tal-familja jmorru lura għall-1843 imma llum il-Grupp iddiversifika u minbarra importaturi tal-ħelu permezz tal-kumpanija C Camilleri & Sons – li toffri wkoll servizzi tal-catering għal avvenimenti differenti bħal tiġijiet, jissuplixxi ristoranti u anke lil tuck shops fl-iskejjel – daħlu wkoll fil-qasam tal-ħwejjeġ u l-moda b’ditti magħrufa bħal Matalan, Mothercare, Promod, Morgan u oħrajn. Il-Grupp għandu 25 ħanut madwar il-pajjiż u jimpjega 220 ħaddiem full-time.

Mal-Kap tal-PN id-Diretturi tkellmu fuq l-importanza ta’ level playing field fis-settur li fih joperaw u anke diffikultajiet oħra li jiltaqgħu magħhom, b’Alex Borg iwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li jkun ta’ sostenn għal kumpaniji bħal dawn billi jindirizza l-isfidi li qed jaffaċċjaw.

Id-delegazzjoni tal-PN iddawret mal-maħżen fejn jiġi miġbur ix-xogħol li jitqassam fil-ħwienet, id-dolċerija, il-kċina u anke l-uffiċċji. Alex Borg iltaqa’ mal-ħaddiema tal-kumpanija fosthom dawk li jaħdmu fl-istores u oħrajn li jaħdmu f’setturi bħall-HR, Finance, Marketing u anke sales – fejn seta’ jsegwi mill-qrib il-ħidma li jwettqu ta’ kuljum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar il-mod kif matul is-snin, minkejja l-isfidi, din il-kumpanija kompliet tiddiversifika bl-akar mod reżiljenti.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u mix-Shadow Minister Adrian Delia.