Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Iran: Donald Trump jestendi d-deadline….bl-Iranjani jattakkaw u jaħtfu l-vapuri merkantili fiz-zona ta’ Hormuz

Il-Gwerra tal-Iran kompliet għaddejja minn perjodu imprevedibbli u meta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, ħabbar li kien qed jestendi l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied – effettiv għal ħmistax – għal żmien indefinittiv….Fl-istess ħin, l-Iran mhux jidher lest li jintrabat b’ċerti kundizzjonijiet għalkemm hu wkoll sinifikattiv li l-Istati Uniti għażlet biex ma teskalax is-sitwazzjoni minn aspett militari – almenu għalissa.

Bħalissa, għad hemm stennija għar-rawnd ġdid u intensiv ta’ diplomazija bejn l-Istati Uniti u l-Istat Iżlamiku u meta, għal Trump, mhux ċar min, fil-fatt, qiegħed imexxi l-gwerra min-naħa tal-Iran.. Fl-istess ħin, Trump – mingħajr ma ressaq il-provi rrifjutabbli – kompla jgħid li l-ogħla tmexxija Iranjana sfat meqruda f’din il-gwerra u li ‘tant hemm kaos fl-Iran li diffiċli biex dan il-pajjiż joħroġ bil-komunikazzjonijiet koerenti’…

Madankollu, l-osservaturi jemmnu li l-President Amerikan żamm lura milli jeskala l-ostilitajiet mal-Iran minħabba l-kumplikazzjonjiet politiċi li jinqalgħulu f’pajjiżu…Dan meta l-Gvern Amerikan hu wkoll ansjuż dwar l-effett ta’ din il-gwerra fuq il-prezzijiet taż-żejt.

Iżda fl-istess ħin, Donald Trump għadu jirrifjuta li joffri ‘timeline’ għall-waqfien mill-ġlied u meta l-qawwiet navali ta’ pajjiżu għadhom qed jagħlqu l-aċċess għall-portijiet tal-Iran…Strateġija li l-Iranjani jqisuha bħala ‘azzjoni ta’ gwerra sfaċċata oħra’ min-naħa tal-Amerikani….Sitwazzjoni li, ‘il quddiem, għandha anki tfixkel l-impenji diplomatiċi li kapaċi jwasslu għall-konklużjoni tal-konflitt.

Il-konsulenti ewlenin f’Teheran wieġbu li l-estensjoni tas-‘ceasefire’ min-naħa ta’ Trump ma jfisser xejn għal pajjiżhom u meta huma qed jissuspettaw li l-Istati Uniti, fil-fatt, qed tipprova tirbaħ iż-żmien biex twettaq offensiva ġdida fuq l-Iran.

L-Iranjani anki wasslu messaġġ li ‘lesti jieħdu l-inizjattiva f’din il-gwerra’ u li l-assedju tal-Amerikani fuq il-portijiet tagħhom għandu jintlaqa’ b’reazzjoni militari xierqa min-naħa ta’ Teheran.

Bastimenti fil-mira tal-Gwardja Repubblikana

Sadanittant, l-Iran baqa’ juri snienu militarment, bil-Gwardja Repubblikana, bħala l-qawwa ewlenija tal-Istati Iżlamiku, ilbieraħ, tattakka tlett bastimenti merkantili fir-Rotta ta’ Hormuz

L-ewwel attakk twettaq minn gunboat u fejn wieħed mill-bastimenti, ta’ sidien Griegi, ġarrab ħsarat kbar f’ibħra lejn il-grigal tal-Oman.

Fit-tieni attakk, bastiment tal-Emirati Għarab li jbaħħar taħt bandiera tal-Panama wkoll intlaqat minn missila waqt li kien viċin ħafna tal-Iran, iżda l-ekwipaġġ kollu jinsab qawwi u sħiħ.

Intant, tielet vapur li wkoll ibaħħar taħt il-bandiera tal-Panama intlaqat mill-isparar u ġarrab il-ħsarat waqt li kien dieħel fil-Golf ta’ Oman.

Fl-istess ħin, il-membri tal-Gwardja Repubblikana ħatfu tnejn minn dawn il-vapuri – l-MSC Francesca u l-Epaminondas –u mexxewhom lejn il-kosta tal-Iran. L-Iranjani qalu, wara, li l-ekwipaġġi ta’ dawn il-vapuri ‘kienu qed jinnavigaw ir-Rotta ta’ Hormuz mingħajr il-permessi neċessarji’.

Ir-Rotta ta’ Hormuz, illum, saret wisq perikoluża għal kważi l-bastimenti kummerċjali kollha, inklużi t-tankers taż-żejt, ħlief għal dawk li l-movimenti tagħhom huma permessi mill-Iran b’mod espliċitu. Dan ukoll meta l-qawwiet navali tal-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, dawwru lura ‘il fuq minn 20 bastiment li kienu qed jivvjaġġaw lejn il-portijiet tal-Iranjani u ‘il hinn minnhom.