Colin Schembri
Hibernians 59
Luxol 53
(21-17)(10-13)(14-12)(14-11)
Hibernians saru champions fil-kategorija tat-tfajliet taħt is-sittax -il sena wara li għelbu lil Luxol fit-tielet finali 59-53 f’partita missielta, fejn il-konsistenza u d-dominanza tagħhom fir-rebounds kienu fatturi deċiżivi. Hibs rebħu l-battalja taħt il-baskets b’75 rebound kontra 49, fosthom 27 offensive rebound li tawhom 13-il punt mit-tieni opportunitajiet. Minkejja li Luxol kienu aktar perikolużi fil-fast breaks u kisbu 25 punt minn turnovers, Hibernians żammew il-kontroll għal aktar minn 34 minuta tal-logħba u għamlu differenza fil-mumenti kruċjali tar-raba’ sessjoni.
Kirstie Sammut kienet il-protagonista ewlenija għal Hibernians b’19-il punt u 16-il rebound f’wirja kompluta ħafna, filwaqt li Alexa Sammut żiedet 17-il punt u enerġija kontinwa fuq iż-żewġ naħat tal-court. Sera Cassar ukoll kellha impatt qawwi mill-bank b’9 punti u 10 rebounds. Għal Luxol, Katrina Marmara u Ella Cachia spiċċaw bi 15-il punt kull waħda, filwaqt li Eve Axisa żiedet 12-il punt.
Luxol bdew aħjar u marru 3-0 minn fuq wara punti ta’ Adria Xuereb, iżda Hibernians wieġbu malajr permezz ta’ Victoria Dabic u Kirstie Sammut. Run qawwija f’nofs l-ewwel sessjoni tat vantaġġ sabiħ lil Hibs, li saħansitra fetħu distakk ta’ għaxar punti qabel Luxol naqqsu lejn it-tmiem. Hibernians għalqu l-ewwel sessjoni 21-17 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Luxol tejbu l-logħba tagħhom u rnexxielhom iduru r-riżultat għal mument wara baskets konsekuttivi ta’ Marmara u Xuereb. Madankollu Hibernians baqgħu kalmi u wieġbu permezz ta’ Kirstie Sammut u Alexa Sammut biex reġgħu ħadu l-vantaġġ u daħlu jistrieħu 31-30 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni l-partita baqgħet miftuħa ħafna. Luxol ippareġjaw 42-42 wara trippla importanti ta’ Ella Cachia, iżda Hibernians għalqu aħjar permezz ta’ Alexa Sammut li niżżlet punti kruċjali biex it-tim tagħha daħal fl-aħħar sessjoni 45-42 minn fuq. Fir-raba’ sessjoni Hibernians taw daqqa deċiżiva meta fetħu run li tellgħethom sa 56-44 minn fuq wara baskets ta’ Kirstie Sammut, Cassar u Alexa Sammut. Luxol ma ċedewx u reġgħu resqu viċin fl-aħħar minuta wara punti ta’ Cachia u free throws ta’ Axisa, iżda Hibernians żammew il-kalma u free throw finali ta’ Victoria Dabic ikkonferma r-rebħa 59-53 u t-titlu taċ-champions. Fi tmiem il-partita s-Sur Jonathan Pisani sid ta’ Pisani Motoring School ippreżenta t-trofew lil players ta’ Hibernians fost il-ferħ tal-partitarji preżenti.
Hibernians: Lara Micallef 4, Elly Jovanovic 2, Kirstie Sammut 19, Dezaiya Abela, Zaira Ahar, Martina Muscat, Martina Mendez 3, Sera Cassar 9, Alexa Sammut 17, Viktorija Dabic 5, Zanesh Agius.
Luxol: Eve Axisa 12, Emma Mallia 4, Sara Cosic, Katrina Marmara 15, Adria Xuereb 5, Valentina Portelli, Elena Saliba, Giulia Schembri 2, Elysa Joy Delic, Gemma Ivanova, Ella Cachia 15, Ella El Trabelsi.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Leonardo Silvero, Nicky Azzopardi
//= $special ?>

