Lokali Qorti

Kumpens ta’ €6,000 għal trapass ta’ żmien eċċessiv f’ġuri

L-Avukat tal-Istat ġie ordnat iħallas €6,000 f’danni u dan wara li l-Qorti, eżaminat il-fatti u l-argumenti kollha tal-partijiet, waslet għal deċiżjoni definittiva favur Carmelo Cutajar ta’ 69 sena fuq diversi punti fundamentali relatati mad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq li f’dan il-każ kien dwar ġuri.

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ċaħdet kompletament l-eċċezzjonijiet preliminari mqajma mill-Avukat tal-Istat, u b’hekk ikkonfermat li l-proċeduri kostituzzjonali kienu ammissibbli u li Cutajar kien mexa b’mod korrett meta fetaħhom.

Il-Qorti mbagħad iddikjarat li t-tul eċċessiv tal-proċeduri kriminali, li qabżu 20 sena, jikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq fi żmien raġonevoli kif protett kemm mill-artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mill-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Dan id-dewmien kien attribwit prinċipalment għall-mod ineffiċjenti kif tmexxew il-proċeduri kontra x-xhud ewlieni Ġużeppi Magri, li fuqhom kien jiddependi wkoll il-bidu tal-ġuri ta’ Cutajar. Element ieħor kruċjali fid-deċiżjoni kien il-fatt li, minħabba l-mewt ta’ Magri qabel ma seta’ jsir il-kontro-eżami tiegħu, ir-rikorrent ġie mċaħħad minn dritt essenzjali tad-difiża.

Il-Qorti kkonkludiet li n-nuqqas tal-possibbiltà ta’ kontro-eżami tax-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan kien aggravat mill-fatt li d-dewmien stess wassal għal din is-sitwazzjoni, u għalhekk iż-żewġ ksurijiet huma marbuta direttament ma’ xulxin.

Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, il-Qorti ddeċidiet li r-rikorrent għandu jingħata kumpens non-pekunjarju għall-ħsara morali u psikoloġika li ġarrab matul is-snin twal ta’ inċertezza, ansjetà u stennija. L-ammont stabbilit 6,00 ewro, li għandu jitħallas mill-Avukat tal-Istat fi żmien xahar minn meta s-sentenza ssir definittiva.

Barra minn hekk, il-Qorti ordnat li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu wkoll mill-Avukat tal-Istati, u b’hekk irrikonoxxiet ir-responsabbiltà tal-Istat kemm għall-ksur tad-drittijiet fundamentali kif ukoll għall-konsegwenzi li rriżultaw minnu.

Il-kawża tikkonċerna rikors kostituzzjonali mressaq minn Carmelo Cutajar fejn allega ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu b’rabta ma’ proċeduri kriminali li ilhom għaddejjin għal aktar minn 20 sena. Il-fatti jmorru lura għall-2004 meta Cutajar tressaq taħt arrest u ġie akkużat b’attentat ta’ omiċidju fuq Ġużeppi Magri.

Il-kuntest tal-każ kien jinvolvi relazzjoni abbużiva bejn Magri u bint ir-rikorrent, li kienet minorenni meta bdiet ir-relazzjoni. Ġie allegat li Magri uża vjolenza u rikatt, inkluż theddid li jxerred video intimu, u li l-familja kienet diġà talbet l-għajnuna tal-pulizija.

Fil-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent, Magri kien xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni. Madankollu, meta xehed waqt il-kumpilazzjoni, huwa rrifjuta jwieġeb għall-kontro-eżami. Il-ġuri kontra r-rikorrent ġie differit fl-2010 sakemm jintemmu l-proċeduri kontra Magri, iżda dawn baqgħu pendenti sal-2023 meta ġew estinti minħabba l-mewt tiegħu.

Ir-rikorrent sostna li jinsab f’sitwazzjoni inġusta fejn id-depożizzjoni ta’ Magri tista’ tintuża kontrih, iżda huwa ma jistax jikkontro-eżaminah. Huwa sostna li dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari d-dritt li jikkontesta x-xhieda kontrih. Barra minn hekk, sostna li d-dewmien eċċessiv ta’ aktar minn 20 sena fil-proċeduri jikser id-dritt tiegħu għal smigħ fi żmien raġonevoli.

Għaldaqstant, ir-rikorrent talab lill-Qorti sabiex tiddikjara li dan id-dewmien jikser l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea u l-Artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni, u li n-nuqqas ta’ kontro-eżami tax-xhud ewlieni jikser ukoll id-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 39(6)(d) tal-Kostituzzjoni. Talab ukoll rimedji adegwati biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tiegħu.

Mill-parti tiegħu, l-Avukat tal-Istat wieġeb billi kkontesta dawn l-allegazzjonijiet u ddefenda l-pożizzjoni tal-Istat fir-rigward tal-proċeduri u t-tul tagħhom. Għal Cutajar dehru l-Avukati Joe Giglio u Micheala Giglio.