Il-Ministri tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin ċaħdu għas-sejħiet biex l-Unjoni ma tkomplix bil-proċess ta’ kummerċ ma’ Iżrael bħala pajjiż ippreferut… Proposta li kienet konnessa mal-allegazzjonijiet dwar ir-reati tal-gwerra min-naħa tal-Iżraeljani u li enfasizzat id-differenzi li jeżistu bejn il-pajjiżi tal-Unjoni fir-rigward tal-Lvant Nofsani.
Il-proposta tressqet minn Spanja, l-Irlanda u s-Slovenja, b’dawn il-pajjiżi jesiġu għas-sospensjoni tal-Association Agreement bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael minħabba l-allegati reati f’Gaza u l-Libanu.
U waqt li l-proposta naqset milli tikseb biżżejjed appoġġ fost il-Ministri Ewropej, mistenni li, ‘il quddiem, titressaq forma ġdida ta’ proposta lill-Kummissjoni Ewropea rigward il-movimenti ta’ prodotti lejn Iżrael.
Min-naħa tagħha, Kaja Kallas, li tieħu ħsieb il-politika barranija tal-UE, qalet li għandhom isiru aktar diskussjonijiet fil-ġranet li ġejjin…Taħditiet li jridu jikkunsidraw il-proposta ta’ Franza u l-Iżvezja għall-impożizzjoni tat-tariffi fuq il-prodotti li joriġinaw mill-komunitajiet tal-Lhud qalb it-territorji tal-Palestinjani okkupati minn Iżrael.
‘Ma nistgħux ninjoraw is-sitwazzjoni ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent,’ qalet Kallas waqt li kienet qed titkellem mal-ġurnalisti fl-aħħar sigħat.
Qabel il-laqgħa għall-Ministri fil-Lussemburgu, il-Gvernijiet ta’ Spanja, l-Irlanda u s-Slovenja kienu sejħu biex l-UE ‘tiftakar fir-responsabbiltajiet morali u politiċi tagħha’ filwaqt li tiddefendi l-valuri prinċipali li l-Proġett ‘Ewropa’ ilu s-snin jibbaża fuqhom.
Fl-istess ħin, l-UE qed tinnota l-kundizzjonijiet insapportabbli f’Gaza, fost l-abbużi għall-ftheim tal-waqfien mill-ġlied fit-territorji u l-fatt li mhumiex deħlin biżżejjed kunsinni tal-għajnuna għar-residenti Palestinjani. Dan meta s-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent ukoll qed tiddeterjora fost l-eskalazzjoni ta’ vjolenza kontra l-Palestinjani.
Madankollu, Kaja Kallas qalet li għalissa mhemm l-ebda bidla fil-pożizzjonijiet tal-Istati membri tal-UE biex jappoġġaw sospensjoni sħiħa jew parzjali tal-EU-Israel Association Agreement.
Fil-fatt, sospensjoni sħiħa tkun tirrikjedi l-appoġġ unanimu mis-27 pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li sospenzjoni parzjali teħtieġ ‘maġġoranza kwalifikata’ li tirrappreżenta talanqas 55 fil-mija tal-Istati-membri u 65 fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE.
//= $special ?>

