Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ theddid fiżiku u permezz ta’ meżżi elettroniċi

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace illiberat lil Samil Kartal Turkdogan, ċittadin Tork residenti San Ġwann, li kien qed jiffaċċja diversi akkużi relatati ma’ theddid fiżiku u permezz ta’ meżżi elettronċi li allegatament seħħew fl-24 ta’ Ġunju 2022.

L-imputat kien mixli b’reati taħt il-Kodiċi Kriminali u l-Att dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, fosthom interferenza illegali fuq propjetà ta’ ħaddieħor, theddid permezz ta’ mezzi elettroniċi, attentat ta’ koerċizzjoni, u użu ħażin ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-każ kien jirrigwarda tilwima dwar okkupazzjoni ta’ appartament u allegazzjonijiet ta’ theddid u aggressjoni fil-konfront ta’ Ekaterina Evgenyevna Gladkova Lewis. Fix-xhieda tagħha, il-kwerelanta sostniet li kienet ilha tikri appartament għal diversi snin u, wara li rritornat minn barra l-pajjiż, sabet persuna oħra tgħix fil-propjetà tagħha.

Hija spjegat kif l-episodju kiber f’sitwazzjoni ta’ tensjoni li allegatament inkludiet theddid telefoniku u konfront fiżiku fejn sostniet li ġiet miġbuda, imbuttata u mġiegħla toħroġ mill-appartament. Hija qalet ukoll li sofriet ġrieħi u li rrapportat il-każ lill-Pulizija.

Min-naħa tiegħu, l-imputat ċaħad l-akkużi kollha u sostna li kien qed jaġixxi f’kuntest ta’ tilwima dwar il-propjetà, fuq struzzjonijiet tal-propjetarju. Huwa sostna li kwalunkwe kuntatt fiżiku kien limitat għal tentattiv biex jakkumpanja lill-kwerelanta barra mill-appartament mingħajr ebda vjolenza jew intenzjoni ta’ theddid.

Wara li eżaminat il-provi u x-xhieda kollha, il-Qorti osservat li hemm kontradizzjonijiet sostanzjali bejn iż-żewġ verżjonijiet tal-fatti fuq punti essenzjali tal-każ. Il-Qorti qieset li dawn id-diskrepanzi joħolqu dubju raġonevoli u li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tilħaq il-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali, jiġifieri prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet billi lliberat lill-imputat minn kull akkuża miġjuba kontrih u ddikjaratu mhux ħati, b’dispjaċir mill-proċeduri kollha kontrih.