Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabet lil Kevin Borg ta’ 46 sena ħati u mmultatu €7,000 fuq theddid u intimidazzjoni fil-konfront ta’ Clare Agius Sparling, f’każ li jmur lura għal April tal-2021 fil-limiti tal-Mġarr.
Mill-provi mressqa quddiem il-Qorti rriżulta li l-imputat mar quddiem id-dar tal-koppja Sparling f’żewġ okkażjonijiet separati u għamel diskors ta’ theddid li kkawża biża’ reali fil-vittma. Fil-filmati u recordings ippreżentati, Borg jinstema jagħmel kummenti fejn jhedded li jista’ jġib nies minn Sqallija u jinsisti li “ħadd ma jista’ jmissu”, filwaqt li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala persuna “hardcore” u li jekk jindaħal “se jkun hemm problemi kbar”.
Minkejja li ma kien hemm l-ebda vjolenza fiżika, il-Qorti kkonkludiet li t-ton u l-kontenut tal-kliem kienu biżżejjed biex joħolqu intimidazzjoni serja u ansjetà fil-persuna fil-mira. Ix-xhieda ta’ Clare Agius Sparling ikkonfermat li hi u żewġha ħassewhom mhedda, b’mod partikolari minħabba li l-inċidenti seħħew fil-ħinijiet tal-lejl u meta kellhom it-tfal fid-dar.
Il-Qorti tat importanza wkoll lill-fatt li l-imputat ammetta l-aġir tiegħu, għalkemm sostna li kien influwenzat minn terza persuna. Fl-istess sentenza, il-Qorti ċaħdet l-ewwel imputazzjoni relatata ma’ disturb tal-kwiet minħabba li kienet preskritta, kif ukoll it-tielet imputazzjoni ta’ fastidju peress li ma ġietx ippruvata biżżejjed.
Madankollu, sabet lill-imputat ħati taħt l-Artikolu 251B tal-Kodiċi Kriminali dwar theddid u intimidazzjoni. Fil-kunsiderazzjoni tal-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni kemm l-ammissjoni tal-imputat kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ, inkluż il-fatt li l-inċidenti kienu limitati għal żewġ okkażjonijiet.
Għaldaqstant, minflok piena ta’ ħabs, il-Qorti imponiet multa ta’ €7,000 li trid titħallas fuq perjodu ta’ tliet snin, flimkien ma’ kumpens ta’ €1,000 lill-vittma li għandu jitħallas fi żmien 18-il xahar. Aspett sinifikanti tas-sentenza kien il-kritika qawwija tal-Qorti dwar id-dewmien fil-proċeduri, hekk kif dan il-każ dam kważi ħames snin biex ġie konkluż minkejja li hu ta’ natura sommarja.
Il-Qorti qalet li tali dewmien iħalli lill-vittmi f’limbu legali u jmur kontra l-prinċipju ta’ smigħ fi żmien raġonevoli, u għalhekk appellat biex jiġu introdotti limiti ta’ żmien aktar ċari fil-liġi. Fl-aħħar nett, ġie ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-President tal-Kamra tad-Deputati u lill-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jiġu kkunsidrati riformi meħtieġa fil-qasam tal-ġustizzja.
//= $special ?>

