Opinjoni

Opinjoni: It-tibdil fil-klima huwa magħna u qed jinħass

Għal ħafna nies, il-frażi “tibdil fil-klima” hija xi ħaġa astratta. Forsi numri, linji fuq grafiċi jew stqarrijiet ta’ esperti

Eve Borg Bonello
Shadow Minister
għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika

Għal oħrajn, forsi hija xi ħaġa ġeografikament imbiegħda, affarijiet li jiġru f’kontinenti iżjed kesħin bħall-Antartika. Imma r-realtà hi differenti.
It-tibdil fil-klima huwa magħna u jidher fis-sjuf li saru infernali, b’sħana li ma tibqax tiflaħ għaliha mingħajr xi forma ta’ arja kkundizzjonata, jew inkella fl-ilma minn xita qawwija, kważi biblika, li tgħarraq inħawi sħaħ f’daqqa waħda.
It-tibdil fil-klima huwa wkoll il-paradoss li, minkejja dawn il-maltempati aktar qawwija, l-ammont totali ta’ xita annwali qed jonqos sena wara sena. Rapport tal-2025 tal-Energy and Water Agency sab li l-medja tax-xita bejn l-2008 u l-2024 kienet madwar mitt millimetru inqas mill-medja tal-aħħar tmenin sena. F’tlieta mill-aħħar disa’ snin reċenti, Malta ġarrbet nixfa serja. U s-sena idroloġika tal-2023–2024 kienet l-aktar waħda niexfa li qatt ġiet irreġistrata f’dawn il-gżejjer, tant li Malta, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, ġiet klassifikata bħala pajjiż b’klima arida. Mhux semi-arida. Arida, l-istess kelma li tuża għall-inħawi tad-deżert.
Din is-sħana u n-nixfa se ġġib magħha tibdil soċjali u kulturali. Għal ħafna impjiegi li jsiru barra, bħal pereżempju l-bennejja jew il-forzi tal-ordni tagħna, din is-sħana mhix biss fastidju imma wkoll ta’ periklu. Is-sjuf aktar kiefra jolqtu b’mod sproporzjonat lill-anzjani u lil dawk li jbatu minn mard kroniku.
Għall-industriji sħaħ, it-tbatija hija reali u tanġibbli. Xi turisti forsi jibdew isibu s-sjuf tagħna qawwija wisq, u jmorru f’destinazzjonijiet iżjed friski. Għall-biedja, id-daqqa hija doppja: barra x-xemx hemm ukoll in-nixfa. Iżda jeżistu wkoll soluzzjonijiet, bħal prodotti agrikoli reżistenti għan-nixfa, sistemi ta’ irrigazzjoni ġodda li jużaw l-ilma b’mod aktar intelliġenti, u prattiċi ta’ biedja sostenibbli. Dawn huma realtà li diġà taħdem f’pajjiżi Mediterranji oħra bi klima simili għal tagħna. It-tranżizzjoni teħtieġ appoġġ, inċentivi reali, u politika li tħares ’il quddiem, mhux biss sussidji li jżommu l-affarijiet kif inhuma.
Fl-ambjent mibni, il-mistoqsija mhijiex biss kif inkessħu l-bini, imma kif nibnu aħjar mill-bidu. L-arkitettura vernakulari Maltija, bil-ħitan ħoxnin u gallariji tal-injam, kienet diġà tweġiba intelliġenti għall-klima ta’ dawn il-gżejjer. Kellna l-għerf. Irridu nerġgħu niksbuh u nibdew nibnu b’modi intelliġenti fejn id-djar iżommu l-frisk fis-sajf u s-sħana fix-xitwa, u mhux niddependu biss fuq l-arja kkundizzjonata. L-ispazji ħodor jibqgħu importanti, u mhumiex lussu. Is-siġar jipprovdu dell, ikessħu l-inħawi u jsaffu l-arja.
Għalhekk, l-enfasi tagħna għandha tibda fuq proġetti ta’ tħaddir ta’ sugu, u mhux kif qed jiġri bħalissa ammont kbir ta’ jew pocket gardens, jew inkella kemm inwaħħlu erba’ bankijiet fi ġnien diġà eżistenti u ngħidulu proġett ġdid.
Fl-iskop oriġinali tiegħu, Project Green huwa idea tajba u bżonjuża. Iżda nafu sew, minn mistoqsijiet parlamentari li staqsejt, li kważi nofs il-budget ta’ din l-aġenzija tintefaq f’reklami u eżerċizzji ta’ marketing, inkluż fuq it-televiżjoni meta jkun hemm xi avveniment. Dimensjoni oħra għall-ispazji ħodor li spiss tintnesa hija l-ġbir tal-ilma tax-xita.
Meta taqa’ xita qawwija f’Malta, l-ilma jgħaddi minn fuq l-uċuħ ta’ konkos u asfalt u jispiċċa fil-baħar. Infrastruttura ħadra mfassla tajjeb, jiġifieri ħamrija permeabbli u iżjed spazji ħodor, jgħinu biex dan l-ilma jiġi interċettat.
Dan inaqqas l-għarar fil-widien, iżda wkoll jaħżen ilma prezzjuż li qabel kien jisfa mitluf għal dejjem. Naf li kritika li forsi tidher kemxejn f’postha hija: x’rwol jista’ jkollha Malta fi problema globali daqshekk kbira, pajjiż li jniġġes daqs belt waħda ta’ pajjiż b’daqs medju. Nagħraf li Malta hija żgħira. Imma ċ-ċokon qatt ma żammna lura.
Ftit deċennji ilu, Malta kellha rwol ewlieni fit-tfassil tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, liġi li llum tirregola żewġ terzi tal-wiċċ tal-pjaneta. Dak ma seħħx għax Malta kienet kbira. Seħħ għax Malta kellha ideat ġenwini, vuċi ċara u l-konvinzjoni morali li tieħu pożizzjoni. Din mhijiex tradizzjoni ġdida għall-PN.
Fl-1988, Ċensu Tabone, Ministru Nazzjonalista tal-Affarijiet Barranin, qam quddiem in-Nazzjonijiet Uniti u qal li l-klima għandha titqies bħala wirt komuni tal-umanità kollha. Fi tliet xhur, dik il-proposta wasslet għat-tfassil ta’ riżoluzzjoni dwar it-tibdil fil-klima.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.