Opinjoni

Opinjoni: Liberi mill-kaos

Ma tantx huwa l-aqwa żmien sabiex tersaq viċin jew li jkollok ċerti politiċi bħala ħbieb

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkultural

F’dawn l-aħħar sebat’ijiem, dak li kien jidher tant ċert u li ser jimxi ’l quddiem, ħabta u sabta beda sejjer lura. Jitnaqqas u jitkisser. Il-lemin-lemin li kien qiegħed jiddomina tant ir-ruħ u l-arja ta’ forza reattiva, f’ħafna sens ukoll anti-Unjoni Ewropea, issa jinsab wieqaf. Dak li seħħ fl-Ungerija għandu jkun lezzjoni ċara li t-triq tan-nofs hi ferm aqwa u dritta fil-politika milli dik reattiva u fil-periferija. L-alleanza li nbniet bejn numru ta’ mexxejja politiċi fl-Ewropa msejħa ‘sovranisti’, u minbarra dan l-iktar fl-Istati Uniti tal-Amerika, qed tmiss pożizzjonijiet li, mill-inqas, jitolbuha tieqaf tirrifletti. Għalhekk hemm proprju numru ta’ punti li wieħed irid iżomm quddiemu f’dak li ġej, il-konsegwenzi.

Tisħiħ
It-telfa elettorali daqshekk netta ta’ Viktor Orban (1963) tfisser li ser ikun hemm konsolidar ta’ pożizzjonijiet li qabel kienu mhedda. L-Unjoni Ewropea ser tara lill-Ungerija lura taħt il-Prim Ministru l-ġdid ta’ ħamsa u erbgħin sena, Peter Magyar, li jdawwar lura dak kollu li żamm fondi Ewropej milli jidħlu għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżu. Il-qtugħ ta’ rabtiet mal-Federazzjoni Russa u ma’ Donald Trump. Ma jidhirx li Magyar ser jinsa daqshekk malajr l-appoġġ li l-avversarju politiku tiegħu kellu direttament mill-Viċi President Amerikan JD Vance, li b’mod għalkollox żbaljat intervjena fil-kampanja elettorali. L-iktar dan fl-għarfien li hemm pożizzjonijiet li ma jippermettux li pajjiż, b’xi mod, jitlef l-indipendenza tiegħu. Dan aktar flimkien mal-għarfien li anzi, l-Unjoni Ewropea hija l-garanzija tad-demokrazija u tal-libertà vera wara tant snin ta’ ħakma Sovjetika.

Oħrajn
Ma’ dan wieħed irid iżid ukoll li anki l-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer (1962) fir-Renju Unit għandu l-bieb miftuħ sabiex jikkunsidra mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni Ewropea. Diġà hemm dawn is-sinjali. Dan għax il-politika Amerikana qed tindaħal fejn m’għandhiex u bħalissa mhijiex popolari wisq mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Aktar f’dak il-pajjiż fejn il-partit ta’ Nigel Farage (1964) qiegħed ikompli jiġi mbuttat mill-istess Trump. Sija fit-tifħir dirett lejn politika li ma tirrispettax il-verità jew id-dinjità tal-bniedem, kif ukoll u aktar bil-kritika nġusta lill-istess Starmer, bi kliem dispreġjattiv u intenzjonat biex jumilja. Il-politika barranija Amerikana bħalissa mhijiex tinżel tajjeb u qed tirrendi ruħha impopolari għall-aħħar. Mhux biss għaliha stess iżda issa, u iktar, dawk li b’xi mod jistgħu jiġu assoċjati politikament magħha. Simpatija kbira fil-kontinent Ewropew ma hemmx. Għal snin twal waqaf ikun il-poplu li jispira lil oħrajn jew li jġorr il-bandiera tas-sewwa. Daqqa ta’ ħarta li bħalissa diffiċli ġġib lura dak li fiż-żmien kien.

Anki viċin
Fl-Italja wkoll, Giorgia Meloni (1977) qed issib ruħha f’żona ta’ baħar imqalleb. Wara r-riżultat tar-referendum li mar kontra tagħha u wara l-fatt li marret tappoġġja lill-istess Orban. Issa, fil-kwistjoni iktar ikkumplikata u viċin il-ġenn politiku li l-istess Trump jattakka lill-Papa Ljun XIV, kellha tiċħdu politikament. Mhux wisq alternattivi għaliha, meta l-argumenti miġjuba huma żbaljati u mingħajr raġuni ta’ xejn. Kliem żejjed u intenzjonat li jumilja, imma li fil-fatt kienu kontro-produċenti u li ħallew togħma mill-iktar morra. Il-Partit Repubblikan Amerikan ser iħallas prezz politiku fl-elezzjonijiet li ġejjin u dan għax il-votanti Kattoliċi, kif ukoll dawk moderati fi ħdanu ser jaraw li m’għandhomx jappoġġjaw din it-tip ta’ politika. Il-kliem ma kienx hemm lok li jingħad. Biss aktar, f’dan Meloni trid tara kif ser issib lura saqajha elettoralment. Ma tistax, jekk trid tibqa’ hemm, tilgħab fuq il-lemin-lemin u tassoċja ruħha ma’ dawk li tilfu. Jekk trid iżżomm il-poter trid timxi lejn iċ-ċentru moderat. Kemm ser tkun kapaċi tagħmel dan, għad irridu naraw. Imma bħalissa nfetaħ bieb beraħ għall-oppożizzjoni, li ħadet numru ta’ lezzjonijiet u hemm xamma ta’ bidla.

Il-Bnedmin
F’dan kollu, f’dawn il-ftit jiem ix-xenarju politiku għadda minn bidla qawwija. Fil-fatt huwa l-konsegwenza ta’ dawn l-aħħar snin li issa ġie fil-mument li jrid iħallas il-kontijiet. Xenarju li żviluppa fil-kontra ta’ dak li għandha tkun il-politika vera. F’dan iktar proprju l-pożizzjoni determinanti hija li l-politika mhux qed issir fir-rispett lejn id-dinjità umana.
Il-lemin-lemin mhuwiex iġib linja ta’ attenzjoni u moderazzjoni fil-konfront tal-bnedmin. Anzi, huwa ispirat mill-idea li tista’ tittratta lil bnedmin oħra b’nuqqas ta’ rispett. Politika li tinsa li l-bnedmin mhumiex blalen. Ballun tagħtih bis-sieq, jaħbat mal-ħajt u jerġa’ lura lejn bi kważi l-istess forza li tibda f’dak il-moviment. Mentri l-bnedmin le. Min jaqla’ ma jiġix lura. Jieħu nota, u jistenna. Id-disprezz lejh iwassal biss sabiex l-appoġġ jew is-simpatija li seta’ kien hemm, jintilfu.

Il-Kuxjenza
Fil-verità, min qiegħed fil-poter irid l-iktar u kważi biss lil dawk li jaqblu miegħu. L-oħrajn barra, u jridu jitkeċċew jew jiġu attakkati. Dan għax jagħrfu li mhumiex fil-pożizzjoni, jew fl-abbiltà li jwieġbu għal dawk il-vuċijiet tal-kuxjenza. San Ġwann Battista, kif nafu, għadda proprju minn dik l-esperjenza. Fuq dan il-ħsieb, Antonio Spadaro (1966), il-Ġiżwita magħruf u editur ta’ La Civiltà Cattolica, li dejjem ikun fih x’taqra, fl-Avvenire kiteb hekk: “L’attacco di Donald Trump al Papa non è solo polemica politica, rivela il disagio davanti alla fatica di con tenere una voce morale capace di denunciare guerra, idolatria del denaro ed esibizione della forza.” (L-attakk ta’ Donald Trump fuq il-Papa mhuwiex biss polemika politika, imma juri diffikultà quddiem il-fatt li ma jistax irażżan vuċi morali kapaċi li tikkundanna l-gwerra, l-idolatrija tal-flus u l-użu tal-forza.)

Id-dinja qed tinbidel
F’dan niftakru f’kemm il-bnedmin fil-poter jimmaġinaw li huma destinati jibqgħu hemm għall-eternità. Niftakru li jiżbaljaw fil-politika tagħhom meta jippruvaw jikkontrollaw u jeliminaw lil dawk li ma jirnexxilhomx. Tul dawn il-jiem bdejna naraw iktar li l-verità u s-sewwa jirbħu. Importanti li jkollhom lil min isemma’ leħnu u jitkellem fil-libertà. Kif jikteb Spadaro: “Leone non risponde sul terreno delle polemica, e proprio per questo resta fuori dalla presa. È libero, di quella libertà, disarmata e disarmante, è forse ciò che più inquieta il potere che agita il caos.” (Papa Ljun ma jweġibx fit-termini tal-polemika, u proprju għalhekk jibqa’ barra milli jista’ jinħataf. Huwa liberu, b’dik il-libertà mhux armata iżda li żżarma lil min hu armat, u forsi dan huwa l-iktar li jinkwieta lill-poter li jqanqal il-kaos.) Lezzjonijiet li jmexxuna biex ikollna iktar fiduċja li d-dinja qed timxi ’l quddiem, u li l-libertà vera tirbaħ fuq il-kaos li oħrajn jinsabu fih.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.