Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Il-proposta li titfassal sistema ta’ ‘fixed-term dates’ għall-elezzjonijiet ġenerali f’Malta mhix biss diskussjoni teknika li tikkonċerna l-kalendarju politiku, iżda tmur ħafna aktar ’il bogħod minn hekk.
Hija kwistjoni fundamentali ta’ governanza, ta’ trasparenza u ta’ stabbiltà, tliet aspetti li bħalissa pajjiżna m’għandux minħabba sens kontinwu ta’ inċertezza leġiżlattiva fil-pajjiż.
F’pajjiż fejn id-data tal-elezzjoni tibqa’ prerogattiva tal-Prim Ministru, jew aħjar konvenjenza politika tal-Prim Ministru, data ta’ elezzjoni ġenerali mhux dejjem tista’ ssir fl-interess nazzjonali u ekonomiku tal-pajjiż imma fl-interess ta’ partit politiku. Dan fil-fatt, qed jinħass dejjem aktar fil-klima ta’ inċertezza li qed tippersisti u li quddiemha Robert Abela jibqa’ qatt ma jindirizzaha bis-serjetà.
Fil-prattika, is-sistema attwali tippermetti lil min ikun fil-Gvern jiddeċiedi meta jkun l-aktar opportun għalih li jsejjaħ elezzjoni. Dan iwassal biex id-deċiżjoni ma tkunx bażata biss fuq l-interess nazzjonali, iżda wkoll fuq kalkoli politiċi li jfittxu li jimmassimizzaw il-vantaġġ elettorali.
Din ir-realtà mhix teorija, hija esperjenza li l-pajjiż għaddej minnha bħalissa bħalma diġà għadda minnha fl-2017 meta Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni bikrija biex ifarfar minn fuqu u minn fuq il-Partit Laburista numru serju ta’ allegazzjonijiet marbuta ma’ nepotiżmu u korruzzjoni istituzzjonalizzata. Minkejja kollox, anki jekk il-poplu tah mandat ieħor ta’ ħames snin, dam fil-kariga biss għal sentejn.
Il-mod kif il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jitkellem dwar elezzjoni possibbli fl-aħħar xhur huwa indikattiv. F’mumenti differenti tqajmu diversi narrattivi li setgħu jservu ta’ ġustifikazzjoni għal elezzjoni bikrija: semma’ li l-pajjiż għaddej minn kriżi kostituzzjonali (li issa donnha siktet anki jekk ma ġietx solvuta), żviluppi politiċi lokali (il-bidla fil-Kap tal-Oppożizzjoni), u anki l-fatturi kollha internazzjonali bil-gwerer fl-Ukrajna u fl-Iran.
Madankollu, minkejja dawn l-indikazzjonijiet kollha, qatt ma ngħatat dikjarazzjoni ċara li teskludi elezzjoni qabel iż-żmien, kif wieħed jistenna minn Prim Ministru serju li jrid l-armonija nazzjonali. Robert Abela issa ilu xhur jieħu gost bl-ispekulazzjonijiet elettorali, tattika li tkompli turi l-awtorità li għandu u li tant hija għal qalbu pubblikament.
Din l-ambigwità mhix newtrali, hija fattur li joħloq tensjoni u inċertezza fis-soċjetà u dan mhux qiegħed jgħidu l-Partit Nazzjonalista imma diversi oqsma importanti tal-pajjiż.
Saħansitra, tajjeb li ngħid, li meta Alex Agius Saliba esprima ruħu kontra l-ħtieġa ta’ elezzjoni bikrija, il-pożizzjoni tiegħu ma kinetx riflessa b’mod definittiv mill-Prim Ministru. Wieħed kien jistenna li Abela jikkonferma dan li qal id-Deputat Mexxej tiegħu jew isostni l-argumenti li ressaq, imma għal darb’oħra għażel li jkompli jilgħab mas-sentiment elettorali.
Dan iqajjem mistoqsijiet leġittimi dwar kemm hemm ċarezza u direzzjoni fil-livelli l-aktar għoljin tal-Gvern. F’dan il-kuntest, il-poplu u n-negozji jibqgħu jistennew deċiżjoni li tista’ tittieħed f’kull mument.
Bżonn ta’ serħan il-moħħ
Fl-opinjoni tiegħi, Robert Abela jibqa’ jilgħab il-logħba politika u jħalli dan is-sens ta’ tensjoni biex fl-1 ta’ Mejju jkollu folla akbar minn kemm mistennija, ilkoll tittama jew tistenna li titħabbar elezzjoni.
Il-konsegwenzi ta’ din l-inċertezza huma konkreti, irrispettivament minn dak li jgħid il-Prim Ministru. Ikun inutli li jakkuża lill-Partit Nazzjonalista li qed joħloq inċertezza, għax Abela għandu f’idu l-mazz u jista’ jxejjen kull spekulazzjoni b’kumment wieħed biss.
Il-familji jsibuha diffiċli jippjanaw b’serħan il-moħħ, speċjalment meta elezzjoni ġenerali ġġib magħha bidliet potenzjali fil-politika ekonomika u soċjali. In-negozji, min-naħa tagħhom, ħafna drabi jżommu lura milli jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi jew investimenti sinifikanti sakemm ikollhom stampa aktar ċara tal-futur politiku. Dan iwassal għal tnaqqis fil-fiduċja u potenzjalment iġib impatt negattiv fuq l-ekonomija b’mod ġenerali.
F’dan il-kuntest, il-proposta mressqa minn Alex Borg għandha tiġi kunsidrata bis-serjetà kollha li jistħoqqilha. Sistema fejn id-data tal-elezzjoni tkun stabbilita minn qabel, tipikament fil-bidu tal-leġiżlatura, toffri livell ta’ prevedibbiltà li bħalissa huwa nieqes. Naturalment, tali sistema trid tibqa’ tippermetti eċċezzjonijiet f’ċirkostanzi straordinarji, bħalma huwa każ ta’ vot ta’ sfiduċja fil-Gvern, iżda dawn ikunu każijiet limitati u ġustifikati.
L-esperjenzi internazzjonali juru li din is-sistema tista’ taħdem b’mod effettiv. Fl-Amerka, l-elezzjonijiet isiru f’dati predeterminati, u dan jippermetti livell għoli ta’ ċertezza u stabbiltà istituzzjonali. L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew isiru fuq bażi ta’ skeda magħrufa minn qabel, li tiffaċilita kordinazzjoni u pjanar bejn stati membri. Illum anki l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali jsiru b’dati stabbiliti.
Il-vantaġġi ta’ sistema bħal din huma diversi. L-ewwel nett, tnaqqas b’mod sinifikanti l-possibbiltà li d-data tal-elezzjoni tintuża bħala għodda ta’ strateġija politika. It-tieni nett, tagħti lill-pajjiż sens ta’ direzzjoni u stabbiltà li huma essenzjali għall-żvilupp sostenibbli. It-tielet nett, tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet demokratiċi, peress li d-deċiżjonijiet ma jibqgħux jiddependu fuq kalkoli politiċi li jibbenifika minnhom partit jew ieħor.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni mhix biss meta ssir elezzjoni, iżda kif tinbena kultura politika li tpoġġi l-interess tal-pajjiż qabel kull deċiżjoni partiġġjana.
Għalhekk, sistema ta’ ‘fixed-term elections’ tista’ tkun pass importanti f’din id-direzzjoni. Għaldaqstant, wasal iż-żmien li Malta tiddiskuti b’mod matur u responsabbli jekk għandhiex tadotta sistema li diġà tat riżultati pożittivi f’ġurisdizzjonijiet oħra. Din mhix sempliċi riforma amministrattiva, iżda bidla li tista’ tikkontribwixxi għal demokrazija aktar stabbli, trasparenti u prevedibbli.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 22 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

