Raġel ta’ 33 sena minn Birżebbuġa ngħata multa ta’ €8,164 u tpoġġa taħt ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin, wara li ammetta li kiser ordni ta’ trażżin u aggredixxa lill-eks sieħba tiegħu.
Il-qorti semgħet kif l-eks sieħba tal-akkużat irrapportatu lill-Unità tall-Vjolenza Domestika nhar il-21 ta’ April, fejn allegatament l-akkużat ripetutament kiser ordni ta’ trażżin maħruġ favur lilha f’Marzu.
L-akkużat allegatament ikkuntattja lill-vittma diversi drabi, insulentaha, u heddidha, minkejja l-ordni imposta fuqu mill-qorti.
F’inċident nhar is-17 ta’ Marzu, hu aggredixxa lill-vittma fejn ta daqqa’ fuq wiċċha u kkawżalha ġrieħi ħfief, ikkonfermati minn klinika.
Il-pulizija kellhom jarrestaw l-akkużat il-ġurnata li sar ir-rapport, però ma setgħux minħabba li kien marid bid-deni. Hu eventwalment ġie arrestat l-għada fid-9.45am wara li ġie mistoqsi jmur id-depot.
Hu ġie akkużat li kiser ordni ta’ trażżin, li kkommetta reat ieħor fiż-żmien operattiv ta’ sentenza sospiża, li kkawża ġrieħi ħfief, u li hedded lill-eks sieħba.
Ġaladarba ammetta għall-akkużi, il-qorti imponiet multa ta’ €8,164 u ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar, filwaqt li Ishmael Psaila u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat. Il-Maġistrat Kevan Azzopardi ppreseda fuq is-seduta.
//= $special ?>

