Futbol Sport

Antwerp interessati fl-akkwist ta’ Teddy Teuma

Teddy Teuma ma' Standard Liege
Teddy Teuma ma' Standard Liege

Il-midfielder internazzjonali Malti, Teddy Teuma għadu qed jirkupra minn injury li soffra fl-ewwel partita li Malta lagħbet fl-aħħar tax-xahar li għadda kontra l-Lussemburgu f’Ta’Qali. Sfortunatament, l-injury li soffra Teuma ftit li xejn niżlet tajjeb ml-klabb tiegħu ta’ Standard Liege wara li dawn iffirmawħ f’Jannar li għadda mingħand Stade de Reims, b’kuntratt sat-tmiem ta’ dan l-istaġun.

Qabel ma ġie f’Malta sabiex jilgħab fiż-żewġ partiti kontra l-Lussemburgu, Teuma kienu għadu kif ġej minn injury oħra li ħallietu barra mil-logħob għal ftit ġimgħat, u jiem biss qabel weġġa’ ma’ Malta, Teuma kien beda’ juri l-aħjar tiegħu mat-tim il-ġdid tiegħu fil-Belġju. Wieħed jifhem li l-injury, it-tieni waħda fi spazju ta’ ftit ġimgħat minn kemm ilu li ffirma ma’ Standard Liege, iddiżapuntat lill-klabb anke għaliex huma ffirmaw lil Teuma għal perjodu ta’ sitt xhur, biex jieħdu l-massimu mingħandu u mhux biex ikun barra mil-logħob għax imweġġa’.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, diversi siti Belġjani kienu qed jirrapurtaw li Standard Liege, anke jekk għandhom option li fl-aħħar tal-istaġun jistgħu jestendu l-kuntratt ta’ Teuma, il-klabb għadu ma ħa ebda deċiżjoni fuq jekk joffrix jew le kuntratt ġdid lill-internazzjonali Malti ta’ 32 sena. Kemm il-darba dan ikun il-każ, ir-raġuni, minn dak li qed ikun irrapurtat, hija minħabba kunsiderazzjonijiet finanzjarji.

Net News hu infurmat, li qabel il-wasla tiegħu f’pajjiżna, Teuma kien se jibda jitkellem ma’ Standard Liege l-estensjoni tal-kuntratt tiegħu magħhom iżda l-injury fil-partita ta’ kontra l-Lussemburgu bidlet kollox. Filwaqt li ebda deċiżjoni għadha ma ttieħdet minn Standard Liege dwar jekk Teuma jkunx offrut kuntratt ieħor jew le, rapporti ġodda fil-media Belġjana qed jindikaw interess serju minn klabb ieħor Belġjan, li jifforma parti mill-Jupiler Pro League, Antwerp.

Skont dawn l-istess rapporti, Antwerp qed jikkonsidraw l-akkwist ta’ Teuma fl-aħħar ta’ dan l-istaġun minħabba restrizzjonijiet ta’ baġit. Dan għaliex kemm il-darba huma jakkwistaw lil Teuma, dan jiffirma magħhom fuq free transfer peress li fl-aħħar ta’ dan l-istaġun ikun ħieles minn kwalunkwè kuntratt ma’ klabb.

Attwalment il-valur fis-suq ta’ Teuma hu ta’ €2.5 miljuni u l-plejer għadu meqjus bħala pedina important li jista’ jagħmel id-differenza fi kwalunkwè skwadra li jkun magħha, anke jekk dan l-aħħar kien sfortunat fejn kien qed isofri minn diversi injuries.