Internazzjonali

Gaza: Tfal maqtula waqt azzjoni militari oħra mill-Iżraeljani

Il-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, wettqu attakk ġdid fuq l-artijiet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza, bir-riżultat li mietu ħames Palestinjani, fosthom tlett itfal.

Jidher li fl-attakk intużaw id-drones, b’wieħed minnhom jolqot grupp ta’ persuni li kienu viċin ta’ moskea fil-belt ta’ Beit Lahia.

L-uffiċjali fl-inħawi, wara, ikkonfermaw li l-etajiet tat-tfal maqtula jvarjaw minn disa’ sa 14-il sena, filwaqt li kkundannaw l-azzjoni tal-militar Iżraeljan li fissruha bħala ‘waħda bla sens’.

Il-militar Iżraeljan wieġeb li l-qawwiet tiegħu kienu qed jimmiraw għal grupp ta’ hekk-imsejħa ‘terroristi’ li kienu qed javviċinaw ‘b’intenzjoni’ lit-truppi ta’ Iżrael qrib il-Linja s-Safra…Linja li timmarka t-territorji ta’ Gaza li għadhom okkupati mis-suldati Iżraeljani.

Intant, il-kelliema għall-grupp militanti Ħamas qalu li l-Iżraeljani wettqu massakru mingħajr l-iċken rispett għall-ħajja innoċenti u b’abbuż ċar għall-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza li ilu effettiv minn Ottubru.

Il-Ministeru tas-Saħħa fil-Medda ta’ Gaza, sadanittant, qed jgħid li mindu daħal fis-seħħ il-ftehim, inqatlu xorta waħda viċin it-800 Palestinjan, bi kważi 2,500 jisfaw midruba b’kaġun tal-azzjonijiet militari frekwenti min-naħa ta’ Iżrael.

  •