Lokali

Il-Gvern jibqa’ għaddej bin-nomina ta’ Roseanne Camilleri

sIl-Gvern ta’ Robert Abela se jibqa’ għaddej bil-ħatra ta’ Roseanne Camilleri bħala ambaxxatriċi minkejja deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li sab li messaġġi mibgħuta mis-sieħeb tagħha lil deputat Nazzjonalista Adrian Delia jammontaw għal theddida serja.

Camilleri, li bħalissa tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Mount Carmel, ġiet approvata l-ġimgħa li għaddiet mill-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi biex isservi bħala ambaxxatriċi mhux residenti ta’ Malta għal Liechtenstein.

In-nomina tagħha għaddiet biss wara li Adrian Delia għamel sensiela ta’ mistoqsijiet dettaljati dwar il-prestazzjoni tagħha fil-kariga preċedenti bħala Kap Eżekuttiv tal-Primary Health Care. F’dik il-pożizzjoni, hija kienet ġiet sospiża waqt investigazzjoni relatata ma’ allegazzjonijiet ta’ ġestjoni ħażina ta’ fondi pubbliċi.

Ftit wara s-smigħ, Adrian Delia rċieva messaġġi mis-sieħeb ta’ Camilleri, Anthony DeBono. F’deċiżjoni mogħtija nhar it-Tnejn, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara li dawn il-messaġġi jikkostitwixxu “theddida serja”.

Kien għalhekk li x-Shadow Minister Adrian Delia staqsa lill-Ministru Ian Borg jekk dan jafx x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni interna li kienet saret.

Anthony DeBono ammetta wkoll li kliemu ma kienx ġust, u li hu għamel ħażin meta bagħat messaġġi lil Adiran Delia u irtira kliemu, madanakollu l-Gvern xorta baqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn.