Illejla, il-futbol Malti se jkollu żied ta’ tim ieħor li għall-ewwel darba fl-istorja se jkun qed jiġi promoss għall-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Wara li fl-aħħar match day tat-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, miċ-Challenge League kienu Balzan biss li aċċertaw mill-promozzjoni għall-Malta Premier, billi se jkunu qed jirritornaw jilgħabu f’dan il-Kampjonat, sena biss wara li sfaw relegati, għad irid jiġi deċiż min bejn Birżebbuġa St Peter’s u Swieqi United se jkunu qed jingħaqdu maċ-champions taċ-Challenge League, bħala t-tieni tim promoss għall-Malta Premier tal-istaġun li ġej.
Birżebbuġa St Peter’s u Swieqi United temmew il-Kampjonat bl-istess ammont ta’ punti u għalhekk id-decider tal-lejla se tkun qed tiddertimna min minn dawn it-tnejn se jkun qed jilħaq l-akbar objettiv fl-istorja taż-żewġ klabbs rispettivi, u għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol Malti, wieħed minn dawn it-tnejn se jkun qed jilgħab fil-Malta Premier.

Qabel il-konfront mistenni tal-lejla, li se jintlagħab fis-7pm fl-Istadium taċ-Ċentinarju, Net News tkellem maż-żewġ kowċis rispettivi, dwar l-aspettativa tagħhom għall-aktar logħba importanti tal-istaġun.
Edgar Degabriele, kowċ ta’ Birżebbuġa St Peter’s qal li hu u l-bqija tal-iskwadra qed iħossuhom “daqs li kieku qed ngħixu f’ħolma.” Hu fakkar minn fejn hu bħala kowċ ta’ dan it-tim u l-plejers ta’ Birżebbuġa St Peter’s telqu. “Sa staġun ilu konna qed niġġieldu biex niksbu l-promozzjoni mill-Amateur League 1 għaċ-Challenge League,” tenna Degabriele.
L-eks kowċ ta’ diversi klabbs, fosthom l-aktar riċenti, Senglea Athletic, St George’s u Marsaxlokk rispettivament, jemmen li l-logħba kontra Swieqi United mhux se tkun faċli iżda hu tal-fehma li ż-żewġ timijiet għandhom l-istess possibiltà li jirbħu dan il-konfornt.
Birżebbuġa St Peter’s, li nhar il-Ħadd li għadda rebħu 3-2 kontra Sirens, biex kisbu tliet punti li permezz tagħhom laħqu lil Swieqi United fit-tieni post tal-klassifika wara li dawn tal-aħħar temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Fgura United, se jkunu qed jistennew sal-aħħar biex jaraw liema plejers se jkunu disponibbli biex jiffurmaw parti mill-iskwadra f’din id-decider jew le, sforz il-fatt li sa lejlet dan il-konfront, hemm plejers li għadhom dubjużi.
“Qed naħdmu biex nirkupraw xi plejers li huma mmweġgħin. Nittama li jirnexxilna nagħmlu dan. Pero lilhinn minn dan iridu nirrispettaw lill-avversarji li se nkunu qed naffrontaw, f’din il-logħba li se tiddeċidi min se jkun promoss għall-Malta Premier,” żied jgħid Degabriele.
Il-kowċ ta’ 49 sena fakkar li minkejja li Swieqi United twaqqfu 17-il sena llu, għal dawn l-aħħar tmien snin huma zammew posthom fiċ-Challenge League, u għandhom esperjenza tajba f’dan il-livell ta’ futbol. Fl-istess waqt, Degabriele esprima l-fiduċja tiegħu fil-kwalità ta’ plejers li għandu miegħu, u li bihom jista’ jwassal it-tim għal tragward storiku tant mixtieq.

Liam Mangion, kowċ ta’ Swieqi United, esprima l-ottimiżmu tiegħu li llejla, Swieqi United jistgħu jiċċelebraw il-promozzjoni, “anke jekk nhar il-Ħadd li għadda, kontra Fgura United stajna għalaqna l-istaġun u konna niksbu l-promozzjoni li kieku irbaħna. Madankollu ma rridux innaqsu l-mertu tal-avversarji li lagħbna kontra tagħhom.”
Mangion, li għandu l-Liċenzja Pro tal-UEFA, qal li jinsab ċert li dik tal-lejla kontra Birżebbuġa St Peter’s se tkun logħba sabiħa għall-pubbliku sportiv Malti, u konvint “li se nkunu qed nagħtu kull ma nafu biex nilħqu l-mira tagħna.”
Mangion fakkar li meta tqis li Swieqi United hu klabb relattivament żgħir, għaliex ilu 17-il sena mmwaqqaf, din hija opportunità kbuira biex il-klabb jilħaq l-akbar tragward storiku tiegħu. “Sa mil-bidu ta’ dan l-istaġun, l-objettiv tagħna kien li nkunu f’din il-posizzjoni, ċioè li niksbu promozzjoni għall-Malta Premier,” tenna Mangion.
Il-kowċ żagħżugħ ta’ Swieqi United, Mangion ukoll se jkollu plejers assenti, iżda “m’għandix dubju li t-tim xorta waħda se jkun qed jagħmel l-massimu tiegħu, niġbdu ħabel wieħed u naslu għal dak li lkoll ilna naħdmu għaliħ.”
//= $special ?>

