Edukazzjoni Lokali

Il-PN jilqa’ b’sodisfazzjon t-titjib fl-istatistika tal-early school leavers

Imma Malta fadlilha x'taħdem għaliex terz taż-żgħażagħ joħorġu mill-edukazzjoni obbligatorja mingħajr il-ħiliet bażiċi

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-aħħar ċifri maħruġa mill-Eurostat li jikkonfermaw li Malta għamlet titjib konsiderevoli fl-istatistika tal-early school leavers, biex issa Malta qed tirreġistra perċentwal taħt il-medja Ewropea ta’ 9.1%.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Justin Schembri ntqal li din l-istatistika tikkonferma li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba u dan minħabba numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-qasam edukattiv fl-aħħar snin, imma grazzi wkoll għat-twaqqif ta’ diversi istituzzjonijiet edukattivi bħall-MCAST li llum qiegħed joffri opportunitajiet vasti u varji lil eluf ta’ studenti biex ikomplu bil-livell avvanzat u ogħla fit-traġitt edukattiv tagħhom. 

Minkejja li din l-istatistika hija pożittiva u tirrikonoxxi x-xogħol siewi li qiegħed isir fil-qasam edukattiv b’mod partikolari mill-iskejjel, il-Partit Nazzjonalista jinnota li matul dawn l-aħħar snin ukoll l-istituzzjonijiet post-sekondarji qegħdin jilqgħu fihom studenti li mhux neċessarjament ikunu kisbu l-Livell 3 tal-MQF li huwa ekwivalenti għal-Livell Ordinarju taċ-Ċertifikat tal-Matrikola (is-SEC). Illum l-istudenti jistgħu jkomplu fil-livell post-sekondarju anke jekk ma jiksbux il-livell li mistenni jintlaħaq wara l-Year 11.

Għalkemm dan huwa wkoll pass importanti fl-iżvilupp edukattiv tal-pajjiż għaliex jagħti aktar opportunitajiet u possibbiltajiet liż-żgħażagħ Maltin, speċjalment f’oqsma vokazzjoni u applikati, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ preokkupat minħabba li pajjiżna qiegħed ikollu numru sostanzjali u inkwetanti ta’ żgħażagħ li joħorġu mis-snin tal-edukazzjoni obbligatorja mingħajr il-kisbiet tal-Livell 3 jew mingħajr il-ħiliet bażiċi.

Fil-fatt, rapporti Ewropej jikkonfermaw li Malta għandha terz taż-żgħażagħ li jlestu l-iskola obbligatorja li jibqgħu mingħajr dawn il-ħiliet essenzjali għad-dinja tal-lum speċjalment minħabba r-rata mgħaġġla li biha qed tinbidel l-ekonomija misjuqa mill-ħiliet trasversali. Il-Partit Nazzjonalista juri wkoll preokkupazzjoni għall-fatt li numru kbir ta’ żgħażagħ li jkomplu fil-livell post-sekondarju ma jkomplux jistudjaw wara biss ftit xhur u jibqgħu b’livell edukattiv baxx. Dan huwa xenarju li jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni u li mhux dejjem ikun rikonoxxut fl-istatistika, u l-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jindirizza dawn l-isfidi li jridu jitqiegħdu fuq l-aġenda nazzjonali għad-diskussjoni. 

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jieħu inkonsiderazzjoni l-isforzi kollha li qed isiru f’dan il-qasam permezz ta’ inċentivi, inizjattivi, policies u strateġiji li lkoll għandhom l-għan li jtejbu u jgħollu l-livell tal-istudenti Maltin. F’dan il-kuntest, jirreferi għall-politika dwar il-Homework li tnediet mill-Ministru għall-Edukazzjoni fl-aħħar jiem u li għalkemm għandha l-għan li tħeġġeġ aktar il-ħiliet inkwiżittivi u kreattivi fost oħrajn, tnaqqas l-importanza tal-Homework li għandu dejjem jibqa’ fid-diskrezzjoni u fil-prerogattiva tal-professjonisti fil-klassi.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax jappoġġja kompletament din il-politika għaliex jemmen fil-professjonisti. Minkejja dan, jinnota wkoll li daqstant ieħor kull inizjattiva biex jiżdied il-ħin liberu għat-tfal għandha tkun milqugħa.