Lokali Saħħa

Imfakkar ix-xahar dedikat għall-għarfien dwar il-kundizzjoni tal-Parkinson’s

“Irridu nkunu ta’ sostenn għal organizzazzjonijiet bħal Step Up for Parkinson’s sabiex ikomplu jgħinu persuni bil-kundizzjoni tal-Parkinson jintegraw fis-soċjeta. ”

Kien dan il-messaġġ li wasslet Sarah Bajada waqt żjara li għamlet fil-Mediterranean Brain and Spine Centre fin-Naxxar fejn iltaqgħet mat-tmexxija ta’ Step Up for Parkinson’s fl-okkażjoni tax-xahar iddedikat lill-Parkinson’s.

Mal-wasla tagħha, Sarah Bajada intlaqgħet miċ-Chairperson tal-organizzazzjoni Alexander Arena u l-istaff illi dawwruha mal-kliniċi differenti u spjegawlha t-tipi differenti ta’ servizzi speċjalizzati li joffru – fosthom Parkinson’s Coach, Occupational Therapy, Physiotherapy, speech and language therapy, Parkinson’s nurse u carer support group.

Step Up for Parkinson’s hija organizzazzjoni volontarja li l-missjoni ewlenija tagħha hi li tipprovdi klassijiet b’xejn ta’ movimenti kreattivi għal persuni li jgħixu bil-kundizzjoni tal-Parkinson’s. Apparti minn hekk tipprovdi wkoll servizz ta’ ċentru terapewtiku li jipprovdi terapiji speċjalizzati lil persuni bil-Parkinson’s u lil persuni ta’ madwarhdom.

Aktar tard, Sarah Bajada żaret ukoll il-Hilltop Gardens fejn iltaqgħet mal-pazjenti tal-Parkinson’s li kienu qed jipparteċipaw fi specialised movement class – sabiex inaqqsu l-istiffness ta’ ġisimhom.

F’kummenti lil Net News, Sarah Bajada faħħret il-ġid li tagħmel Step Up for Parkinson’s permezz tax-xogħol imprezzabbli li twettaq mal-pazjenti.

Min-naħa tiegħu, Ic-Chairperson ta’ Step Up for Parkinson’s, Alexander Arena tenna li l-għan aħħari ta’ din l-organizzazzjoni huwa li toffri kwalita ta’ ħajja aħjar għal persuni li jgħixu bil-kundizzjoni tal-Parkinson’s u dawk li jieħdu ħsiebhom.

Għal din iż-żjara, Sarah Bajada kienet akkumpanjata mix-Shadow Minister, Graziella Galea.