“Gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jfassal politika li tipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar lil anzjani bil-għan li jibqgħu attivi matul ħajjithom.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel fid-Dar tal-Anzjani Casa San Paolo f’Buġibba fejn tkellem mal-anzjani li huma residenti hemmhekk.
Fil-bidu ta’ din iż-żjara Alex Borg ġie milqugħ mit-tmexxija ta’ din id-Dar, illi kellmuh dwar l-attivitajiet li jorganizzaw għall-anzjani.



Mument mill-aktar ħelu matul din iż-żjara kien propju x’ħin l-anzjani kienu qed jiċċelebraw għeluq snin waħda mir-residenti – hekk kif Giuseppa Frendo għalqet 103 snin. Hawnhekk, Alex Borg awguralha l-isbaħ xewqat f’dan il-jum tant speċjali kif ukoll kien preżenti waqt li Giuseppa qasmet l-kejk tagħha.





Intant, Alex Borg tkellem mal-anzjani preżenti fejn saħaq fuq l-importanza li dejjem iżommu attivi. U minn naħa tagħhom l-anzjani rrakkuntawlu diversi stejjer mill-passat tagħhom.






F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li titfassal politika li verament tindirizza l-ħtiġijiet tal-anzjani bil-għan li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Id-diriġenti spjegaw li dan ix-xogħol iġib miegħu ħafna sfidi; fosthom minħabba l-fatt li l-anzjani qed ikunu aktar fraġli peress li qed jidħlu f’Dar tal-Anzjani ta’ età akbar – u allura jkollhom bżonn aktar interventi mediċi. Dan apparti l-fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isibuha diffiċli biex isibu r-riżorsi umani.
Net News tkellem ukoll ma’ James Sciriha li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Care Malta fejn spjega kif f’din id-Dar jorganizzaw ħafna attivitajiet lill-anzjani kif ukoll joħorġuhom għal numru ta’ żjarat bħal mużewijiet.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graziella Galea u Paula Mifsud Bonnici kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Paul Mazzola.



