Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mill-ġdid irranka t-tensjoni fl-ibħra tal-Golf wara li ħareġ direttivi ċari biex il-qawwiet tal-baħar tiegħu jisparaw fuq kwalunkwe opra tal-baħar li tinqabad qed tqiegħed il-mines fir-Rotta ta’ Hormuz.
Trump qal li l-qawwiet navali ma jridux ‘jaħsbuha darbtejn’ milli jeliminaw lil kulmin qed jipprova jxekkel il-movimenti tal-bastimenti mgħobbijin bir-riżorsi taż-żejt mir-Rotta…Rotta li minnha, qabel, kienu qed jgħaddu madwar 20 fil-mija tal-prodotti tal-fuel lejn il-pajjiżi tad-dinja.
L-Istati Uniti u l-Iran dalwaqt jagħlqu xahrejn fi stat ta’ gwerra u meta t-trasport tal-aktar materjal essenzjali minn Hormuz ilu kważi paralizzat għal dan iż-żmien kollu. Dan fost rapporti li l-Iran qed jinsisti bid-dritt li jitħallas il-‘miżati’ ekwivalenti għal kważi żewġ miljun ewro għal kull vapur li jgħaddi minn dan il-passaġġ dejjaq ta’ baħar.
Il-qawwiet Amerikani, fl-aħħar sigħat, interċettaw u waqqfu bastiment li kien qed jittrasporta ż-żejt mill-Iran fl-Oċean Indjan u li jinsab taħt is-sanzjonijiet ta’ Washington. L-Istati Uniti, intant, qed twassal il-messaġġi kontinwi li beħsiebha twaqqaf u tispezzjona kull vapur suspettat bħala wieħed ostili u li jkun qed jipprovdi ‘l-appoġġ materjali’ lill-Iran.
Min-naħa tagħhom, is-sorsi f’Teheran qalu li l-Gvern Iranjan diġà qed idaħħal ewwel ‘miżati’ għall-vapuri li qed jużaw ir-Rotta ta’ Hormuz. Ma ngħatawx aktar dettalji waqt li mhux magħruf liema pajjiż jew kumpannija, fil-fatt, ħallsu dawn il-miżati.
L-aħħar żviluppi segwew il-ħtif, nhar l-Erbgħa, ta’ żewġ bastimenti merkantili mill-Iranjani wara li dawn kienu pruvaw jaqsmu mir-Rotta ta’ Hormuz. Dakinar l-Iranjani kienu wettqu tlett attakki separati fuq il-vapuri inkwistjoni kif ukoll fuq bastiment ieħor — b’uħud minnhom iġarrbu l-ħsarat mill-missili u drones sparati lejhom.


