Ir-relazzjonijiet bejn l-Italja u r-Russja daħlu fi kriżi kbira, b’Moska tirrifjuta li titlob skuża għal attakk verbali ‘qawwi u feroċi’ minn personalità tal-media Russa fuq il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni.
Jidher ukoll li r-Russja, illum, tinsab aktar urtata minn qabel għall-fatt li l-Gvern Taljan ta’ Meloni għadu qed jappoġġja bis-sħiħ lill-Ukrajna li qed tirreżisti l-invażjoni ta’ artha mill-qawwiet tal-Kremlin wara aktar minn erba’ snin ta’ gwerra.
Sadanittant, l-attakk mimli b’kalunji fuq Meloni mill-preżentatur inkwistjoni wassal biex il-Gvern Taljan jibgħat għall-ambaxxatur Russu stazzjonat f’Ruma biex jispjega ‘il-litanija tal-insulti’ kontra l-Prim Ministru… Pass li kkonfermah il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Antonio Tajani.
Dan wara li l-preżentatur Vladimir Solovyov – sostenitur qawwi tal-President Russu Vladimir Putin u tal-gwerra fl-Ukrajna – tkellem bit-Taljan fuq it-Televiżjoni tar-Russja fejn irrefera għal Meloni bħala ‘persuna embarazzanti għall-umanità’, minbarra li għajjarha wkoll ‘mara viljakka’ u ‘idjota biċ-ċertifikat’.
L-attakk ma waqafx hawn, b’Solovyov, imbagħad, jaqleb għar-Russu biex jakkuża lil Giorgia Meloni bħala ‘faxxista li minbarra li tradiet lit-Taljani li eleġġewha, waslet ukoll biex titradixxi lill-alleat kbir tagħha Donald Trump (il-President tal-Istati Uniti)’.
Dan l-attakk verbali qajjem ferment fl-Italja, b’diversi programmi li jitrattaw il-ġrajjiet kurrenti janalizzaw is-sitwazzjoni fid-dettall fost is-sentimenti ta’ għajb li qed ikunu espressi minn kull qasam tal-ispektrum politiku Taljan – inklużi deputati tal-Oppożizzjoni.
Iżda waqt li l-Ambaxxatur Russu, Alexey Paramonov, irċieva l-protesti formali mingħand il-Gvern Taljan, ir-Russja ma tidhirx li lesta biex titlob apoloġija dwar id-diskors offensiv ta’ Vladimir Solovyov …Persuna li, fl-aħħar xhur, anki ġieli hedded lill-pajjiżi li qegħdin jgħinu lill-Ukrajna b’qerda ‘fuq livell nukleari’.
Fl-istess ħin, il-kundanna tat-Taljani għal din l-ostilità lejn pajjiżhom qed tkun enfasizzata mill-Gvern u l-partiti tal-Oppożizzjoni; fosthom il-Movimento Cinque Stelle u l-Partit Noi Moderati…Partiti li sostnew li l-aġir ‘ta’ Moska’ ma jistax jitqies aċċettabbli’.
Intant, il-partiti Taljani kollha ngħaqdu f’messaġġ ċar lir-Russja li ‘kulmin jinsulenta b’dan il-mod lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tat-Taljani jkun qed joffendi u jiddisrispetta lill-poplu Taljan kollu’.
Tkellmet ukoll Barbara Floridia, il-President tal-kummissjoni superviżorja tar-Rai, li enfasizzat li l-insulti personali indirizzati minn Solovyov lejn Meloni mhumiex strument għall-kritika politika leġittima u li ‘l-Italja mhix se tkun intimidata mill-propaganda tal-Kremlin’.
Sadanittant, ir-relazzjonijiet ta’ Ruma ma’ Moska komplew jegħrqu minħabba li l-Italja beħsiebha tkompli tgħin lill-Ukrajna ‘sal-massimu al-kapaċitajiet tagħha’.
//= $special ?>

