Lokali Parlament

Irridu nindirizzaw is-solitudni għax hi sfida soċjali u ekonomika li qed tħalli impatt serju fuq in-nies – PN

Il-Parlament jiddibatti l-abbozz ta’ liġi kontra s-solitudni li ressqet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista

Is-solitudni mhix biss esperjenza personali, iżda sfida soċjali u ekonomika li qed tħalli impatt serju fuq il-benesseri tan-nies. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq fil-Parlament Abbozz ta’ Liġi bl-għan li jiġġieled is-solitudni u jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja fis-soċjetà Maltija.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fil-Parlament meta spjega kif dan il-Private Member’s Bill, ippreżentat fis-seduta riżervata għall-Oppożizzjoni, hu riżultat ta’ ħidma estensiva mmexxija mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni Ivan Bartolo, flimkien ma’ diversi professjonisti u esperti fil-qasam. Fit-tfassil tiegħu ġew ikkunsidrati l-aqwa prattiċi internazzjonali minn pajjiżi bħall-Kanada, ir-Renju Unit, l-Olanda u l-Iżvizzera.

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-ġlieda kontra s-solitudni trid tkun parti minn viżjoni usa’ ta’ ġustizzja soċjali, li tinkludi aċċess ugwali għall-edukazzjoni, is-saħħa, ix-xogħol u l-akkomodazzjoni, kif ukoll protezzjoni tal-aktar vulnerabbli, tnaqqis tal-faqar u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN enfasizza li s-soċjetà Maltija qed tiffaċċja sfidi serji, fosthom l-għoli tal-ħajja, nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli, stress fil-post tax-xogħol u livelli dejjem jiżdiedu ta’ nies li jbatu mis-solitudni.

Fil-fatt, rapport ippubblikat riċentament mill-kumpanija internazzjonali tal-istħarriġ Gallup juri kif 57% tal-ħaddiema Maltin jesperjenzaw stress kuljum fuq il-post tax-xogħol. Din hi rata ferm ogħla mill-medja Ewropea. L-istess rapport jindika wkoll livelli ogħla ta’ rabja, nuqqas ta’ kuntentizza u solitudni fil-post tax-xogħol meta mqabbel ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn.

Fl-Abbozz ta’ Liġi, il-PN tenna li l-ġustizzja soċjali mhix lussu, iżda bżonn. Hi investiment dirett fil-futur ta’ Malta għax soċjetà aktar ġusta tfisser aktar stabbiltà, aktar għaqda nazzjonali u aktar opportunitajiet għal kulħadd.

Permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi fost oħrajn l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali kontra s-solitudni, aktar koordinazzjoni bejn entitajiet pubbliċi, privati u volontarji, promozzjoni ta’ attivitajiet komunitarji li jsaħħu r-relazzjonijiet soċjali, kif ukoll investiment fir-riċerka u kampanji ta’ għarfien. Dan kollu għandu jwassal għal titjib fil-benesseri mentali u emozzjonali tan-nies, aktar koeżjoni soċjali u soċjetà aktar inklussiva u reżiljenti.

Alex Borg qal li b’dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Partit Nazzjonalista qed itenni li mhux qed jitkellem biss fuq liġijiet, iżda fuq id-dinjità u l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Hu għalhekk li qed jippreżenta proposti konkreti, proattivi u mibnija bil-kunsens ta’ dawk li jaħdmu fis-settur soċjali. Biex Malta timxi ’l quddiem, b’viżjoni aktar umana u inklussiva.