Lokali Parlament

Jeħtieġ bidla fundamentali fil-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol

Stnley Zammit

Fil-Parlament, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA), Stanley Zammit, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar, Kostruzzjoni u Artijiet, għamel intervent dwar id-direzzjoni tas-sistema nazzjonali tas-saħħa u s-sigurtà.

Stanley Zammit saħaq li rapport bħal dan ma jistax jitqies bħala eżerċizzju ta’ numri biss, iżda bħala riflessjoni diretta fuq il-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Fl-intervent tiegħu, Zammit argumenta li minkejja l-progress li sar, is-sistema Maltija għadha essenzjalment waħda reattiva. Huwa sostna li fl-aħħar snin il-politika tal-Gvern poġġiet “il-kwantità qabel il-kwalità”, b’konsegwenzi li dehru f’inċidenti u traġedji, inkluż il-każijiet ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia, li esponew fallimenti serjissimi ta’ koordinazzjoni u responsabbiltà .

Il-problema fundamentali hija li s-sistema taġixxi wara li jseħħ l-inċident, minflok tipprevjenih. Huwa enfasizza li sistema preventiva trid tkun ibbażata fuq identifikazzjoni bikrija tar-riskju u azzjoni qabel ma jkun tard wisq, livell li qal li Malta għadha ma laħqitx.

Stanley Zammit irrefera għal ċifri fir-rapport ta’ ħidma tal-OHSA għas-sena 2025 li juru li madwar 74% tas-siti huma meqjusa compliant, inħarġu 2,759 enforcement orders u 526 stop orders, b’aktar minn 2,500 każ ta’ nuqqas ta’ konformità fis-settur tal-kostruzzjoni biss .

Dawn iċ-ċifri juru li l-compliance għadu mhux kultura, iżda obbligu impost. “Enforcement mhuwiex prevenzjoni,” sostna, u żied li sistema li tiddependi fuq multi u infurzar biss ma tistax toħloq bidla reali fl-imġiba.

Wieħed mill-aktar punti allarmanti li enfasizza kien il-fatt li madwar 70% tal-postijiet tax-xogħol m’għandhomx risk assessment adegwat. Zammit iddeskriva dan bħala falliment ċar tas-sistema preventiva, kemm minħabba nuqqas ta’ għarfien fost operaturi żgħar, kif ukoll nuqqas ta’ kultura ta’ prevenzjoni .

Huwa sostna li risk assessment m’għandux ikun dokument formali, iżda “għodda ħajja” li tmexxi d-deċiżjonijiet ta’ kuljum. Mingħajrha ma jistax ikun hemm maniġjar effettiv tar-riskju.

Aspett ieħor li qajjem kien il-frammentazzjoni bejn diversi entitajiet regolatorji, fosthom l-OHSA, il-Building and Construction Authority u l-Planning Authority. Zammit argumenta li dan qed iwassal għal nuqqas ta’ koordinazzjoni, deċiżjonijiet kontradittorji u infurzar mhux konsistenti .

Huwa wissa li mingħajr koordinazzjoni aktar b’saħħitha, il-prevenzjoni tibqa’ tibda tard wisq.

Fuq livell finanzjarju, Stanley Zammit irrimarka li l-maġġoranza tal-baġit tal-Awtorità tmur fuq salarji u servizzi, filwaqt li biss madwar 9% hija allokata għal awareness, training u community outreach.

Huwa staqsa fejn jinsab l-investiment serju fil-prevenzjoni, inkluż fil-professjonisti, sistemi ta’ data intelligence u spezzjonijiet ta’ kwalità. Barra minn hekk, irrimarka li hemm indikazzjonijiet ta’ defiċit, li jfisser li r-responsabbiltajiet qed jiżdiedu mingħajr riżorsi adegwati.

Stanley Zammit ta importanza kbira lill-edukazzjoni bħala pedament tal-prevenzjoni. Huwa argumenta li kultura tas-saħħa u s-sigurtà ma tinbeniex bil-liġijiet biss, iżda permezz ta’ taħriġ strutturat, skills cards u sensibilizzazzjoni li tibda mill-iskejjel u tkompli fuq il-post tax-xogħol.

Fl-istess ħin, huwa wissa kontra dipendenza fuq multi bħala mezz ta’ regolazzjoni, u qal li sistema moderna għandha tnaqqas il-ħtieġa għall-infurzar permezz ta’ prevenzjoni effettiva.

Stanley Zammit appella għal investiment f’sistemi ta’ dejta li jippermettu “prevention through pattern recognition”. Huwa rrikonoxxa passi inizjali mill-OHSA f’dan il-qasam, iżda sostna li hemm bżonn li l-pajjiż jidentifika mudelli ta’ riskju u jaġixxi b’mod proattiv .

L-intervent tiegħu mess ukoll il-kwistjoni tal-underreporting tal-inċidenti, li qal qed jillimita l-abbiltà tas-sistema li titgħallem u tipprevjeni. Dan, skontu, jolqot b’mod partikolari lill-ħaddiema vulnerabbli, speċjalment dawk barranin.

Stanley Zammit għamel referenza wkoll għall-esperjenza tiegħu ma’ pirotekniċi, fejn osserva progress fil-prattika tas-saħħa u s-sigurtà, iżda wkoll lakuni leġiżlattivi relatati mal-volontarjat. Huwa sostna li minkejja taħriġ li qed jiġi promoss, għadu nieqes qafas legali ċar li jindirizza r-responsabbiltajiet f’dan il-qasam .

Fil-konklużjoni, Stanley Zammit appella għal bidla sistemika u kulturali, li fiha s-saħħa u s-sigurtà ma jibqgħux “add-on” iżda jsiru “built-in” bħala parti integrali mid-deċiżjonijiet kollha.

Huwa ġabar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista f’serje ta’ trasformazzjonijiet meħtieġa, fejn is-sistema trid timxi minn approċċ ibbażat fuq compliance għal waħda mibnija fuq kultura, minn dipendenza fuq enforcement għal konvinzjoni vera fost l-operaturi, u minn mudell reattiv għal wieħed li jpoġġi l-prevenzjoni fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. “Is-saħħa u s-sigurtà ma jibdewx meta jiġi l-ispettur,” temm jgħid Stanley Zammit, “jibdew meta tieħu deċiżjoni”.